‘Jaqaw qed jibża’ mir-riżultat tal-inkjesta? Irid jaħlilu jumejn oħra lill-maġistrat?’

Il-Prim Ministru jħabbar li wettaq 90% tal-manifest elettorali tal-2013

.
.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal kif wara li tkun ippubblikata l-inkjesta dwar il-kont Egrant, hu se jkun qed jara li l-Kap tal-Oppożizzjoni jġorr ir-responsabbiltà politika. “Jien personalment ħa nara li Simon Busuttil iġorr ir-responsabbiltà politika ta’ dan kollu, tal-ħsara li għamel lill-pajjiż,” sostna Muscat.

Waqt li kien qed jitkellem f’attività politika f’Ħal Tarxien, Muscat qal kif Busuttil qed jagħmel apposta sabiex jittardja l-inkjesta, u jistaqsi għalfejn ħa l-informazzjoni li ħabbar li kellu, għand il-maġistrat illum, “l-istess maġistrat li qed jinvestiga l-gidba fil-konfront tiegħi u ta’ Michelle. Ma jafx li qed jaħlilu l-ħin lill-maġistrat? Jaqaw irid jaħlilu xi jumejn oħra lill-maġistrat? Jaqaw qed jibża’ mir-riżultat tal-inkjesta,” kompla jsaqsi Muscat, waqt li qal lil Busuttil, “you can run but you cannot hide.”

Għal darb’oħra, tenna l-istess sfida lil Busuttil, li jekk jinstab, “li int ħriġt lin-nies fit-toroq fuq gidba, li pruvajt tħammeġ lill-pajjiż fuq gidba, li pruvajt tiddistabbilizza l-pajjiż fuq gidba, int trid twarrab.” Dan waqt li sostna li billi “jipprova jittardja l-kwistjoni, in-nies mhux se jinsew,” u li l-ġurnata li tiġi ppubblikata l-inkjesta, tasal ukoll.

Fl-attività politika f’Ħal Tarxien, li għaliha attendiet folla numeruża, Muscat qal kif f’dawn l-aħħar ġimagħtejn, sa mill-bidu tal-kampanja elettorali, il-Gvern kompla jaħdem, biex issa twettaq 90% tal-manifest elettorali tal-2013.

More in Politika