F’diskors b’saħħtu fl-għeluq il-Kungress tal-Partit Laburista l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat għamilha ċara illi se jkun hemm prezz politiku x’jitħallas għal dak li huwa jirrereferi bħala gideb sfaċċat u faħxi fil-konfront tiegħu.
“Irridu nikkuraw il-feriti tad-diviżjoni li hemm min żera’, feriti li weġġgħu, feriti li jridu jingħalqu. Jekk kemm il-darba ikun hemm imqar ħjiel,” kompla jgħid il-Mexxej Laburista, “ta’ verità fl-allegazzjonijiet jien inwarrab mill-ewwel u dan ngħidu b’serenità għax naf li qed ngħid il-verità. Minn naħa l-oħra min dendel il-posters biex jitfgħani l-ħabs u qal li t-tfal tiegħi jintefgħu f’istitut se jkollu jwieġeb. Il-gidba ma weġġgħetx lili u lil familti biss imma r-reputazzjoni tal-pajjiż u se jkun hemm prezz politiku x’jitħallas,” saħaq Muscat.
“Il-mument ma nagħżlux jien, imma l-mument se jasal u l-prezz politiku se jkollu jitħallas.”
Intant Muscat sostna li filwaqt li l-Partit Laburista qed joffri soluzzjonijiet u proposti mibnijin fuq l-ideali tal-ġustizzja soċjali, il-mobilità soċjali u l-ugwaljanza, fuq in-naħa l-oħra hemm koalizzjoni li tgħaqqadha biss hemm “il-mibgħeda kontra Joseph Muscat.”
“F’dan il-waqt il-poplu jrid ikun jaf what we stand for. L-unika ħaġa li tgħaqqdhom lil tal-koalizzjoni hija l-mibgġeda kontra Joseph Muscat. Jekk jirbħu, dak li jgħaqqadhom ma jibqax u mill-ewwel jibdew bil-problemi.”
Meta kien qed jitkellem dwar il-programm elettorali, Muscat qal li l-proposti li qed iressaq il-Partit Laburista huma superjuri għal dawk tal-aħħar elezzjoni u huma mnebbħin mill-ideali tal-PL. Huwa għamilha ċara li Gvern ieħor Laburista se jkun qed jaħdem biex il-pajjiż ikompli jagħmel passi ’il quddiem għal soċjetà aktar liberali u aktar miftuħa. Huwa appella liż-żgħażagħ biex ma jieħdux l-affarijiet for granted jew jaħsbu li issa wasalna. “Jiena ma waqaftx noħlom u se nkompli noħlom. Irrid li dan ikun l-aqwa pajjiż, li jiggarantixxi d-drittijiet ta’ kulħadd.”
Muscat appella għall-għaqda, filwaqt li wiegħed li Gvern Laburista ġdid se jkun qed ineħħi l-privileġġ Parlamentari biex anke min jitkellem fil-Parlament ikun kontabbli ta’ kliemu.