'Lest li mmur fejn hemm bżonn fid-dinja biex innaddaf isem pajjiżna'

Il-Kap tal-PD Marlene Farrugia tiskuża ruħha talli erba' snin ilu marret tikkonvinċi lin-nies jivvutaw għall-PL

Simon Busuttil waqt l-attività politika fiż-Żurrieq | ritratt: James Bianchi
Simon Busuttil waqt l-attività politika fiż-Żurrieq | ritratt: James Bianchi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq kif hu lest li sabiex inaddaf isem Malta, idur fejn hemm bżonn fid-dinja. Meta kien qed jirrispondi għal kummenti li saru dwar Malta, bħala l-Panama fl-Ewropa, Busuttil qal li hu totalment ma jaqbilx ma’ dan, u huwa għalhekk li hu lest jiġġieled. Saħaq li, “minħabba li l-Prim Ministru żamm u ddefenda l-korruzzjoni, ġabna f’sitwazzjoni iktar dgħajfa sabiex niddefendu isem pajjiżna.”

Minkejja li sostna li din hi elezzjoni tal-prinċipju u mhux tal-proposti, Busuttil qal li l-PN xorta waħda qed jippreżenta għadd ta’ proposti, sabiex nuru lin-nies x’qegħdin noffru, u nuru li aħna preaparati.

Waqt li kien qed jitkellem f’attività politika fiż-Żurrieq, Busuttil qal li Joseph Muscat messu li minflok qed jagħmel il-proposti issa, baqa’ fil-Gvern u wettaqhom hu fl-aħħar sena tal-leġiżlatura tiegħu.

Busuttil semma l-proposti li ħabbar iktar kmieni dalgħodu dwar il-housing u insista li dan il-Gvern, f’dawn l-erba’ snin, lanqas biss bena appartament wieħed ta’ akkomodazzjoni soċjali. Sostna li Joseph Muscat impona iktar żidiet fil-prezzijiet tal-kirjiet tal-Gvern. Dwar dan, qal kif hu stess kien ħabbar li kien se jnaqqas din iż-żieda lura fl-Indipendenza u kien hemm hekk li Muscat “għamel U-turn, u għal darba kienet U-turn fil-pożittiv.” Dwar il-housing, Busuttil saħaq li kieku ġew quddiemu deċiżjonijiet bħal tal-Australia Hall, Cafe Premier u Gaffarena, kien jgħidilhom li dawk il-flus, se jużahom għall-housing minflok.

Fost għajjat ta’ ‘Simon, Simon,’, Busuttil saħaq li nies bħal Marlene Farrugia għanhom raġun jitkellmu kontra Joseġh Muscat għaliex iħossuhom traduti li vvutawlu. “Dik il-mara tirrapreżenta lil dawk in-nies li ġew traduti,” saħaq Busuttil.

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

‘Jiddispjaċini li ġejt nikkonvinċikom erba’ snin ilu’

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia skużat ruħha man-nies tal-ħames distrett li erba’ snin ilu, marret għandhom sabiex tikkonvinċiehom jivvutaw għall-Moviment Laburista . “Jiddispjaċini, mhux għax ma kontx nemmen, għaliex jien bqajt niddefendi dak li ġejt inwegħedkom, kemm fil-Parlament u barra.”

Waqt li kienet qed tindirizza l-folla fiż-Żurrieq, Farrugia qalet kif matul is-snin tagħha fi ħdan il-Gvern Laburista, baqgħet tiddefendi l-Manifest kemm fil-grupp parlamentari u anke fil-Kabinett, imma mhux biss, sostniet li spiċċat tiddefendi lill-pajjiż.

Waqt li indirizzat lin-nies tal-ħames distrett, Farrugia sostniet li “ma lħaqniex poġġejna fis-siġġu tal-Parlament, li ma qalulniex li se jitfgħulna tanker fil-bokka ta’ Marsaxlokk, imbagħad jispiċċaw il-proġetti li kienu bdew il-gvernijiet Nazzjonalisti.”

Farrugia saħqet li hemm għażla bejn, “min tradiekom jiġifieri Joseph Muscat u l-Panamagang, jew inkella min iddefendiekom dejjem.”

More in Politika