Il-PN jgħatti x-xemx bl-għarbiel ?

'Kif nistgħu nippjanaw sewwa għal ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva jekk l-aċċess għax-xemx f’diversi lokalitajiet mhuwiex garantit b’għoli permissibli ta’ bini li ma jinbidilx...'

Fi żmien il-PN Waqt li l-Ministru responsabbli mill-enerġija alternattivi kien qed iħajjar lin-nies biex jistallaw il-pannelli foto-voltajċi, min-naħa l-oħra l-Ministru għall-Ippjanar kien megħdi jilgħab bl-għoli permissibli tal-bini f’diversi lokalitajiet
Fi żmien il-PN Waqt li l-Ministru responsabbli mill-enerġija alternattivi kien qed iħajjar lin-nies biex jistallaw il-pannelli foto-voltajċi, min-naħa l-oħra l-Ministru għall-Ippjanar kien megħdi jilgħab bl-għoli permissibli tal-bini f’diversi lokalitajiet

Il-Partit Nazzjonalista ippubblika l-proposti tiegħu dwar l-ambjent fi ktejjeb intitolat: A Better Quality of Life for You. Dan hu bla dubju pass ’il quddiem, kienu x’kienu r-raġunijiet li wassluh għal dan il-pass.

Fid-daħla għad-dokument ippubblikat, il-Kap tal-Oppożizzjoni jagħmel dikjarazzjoni importanti. Jgħid: “Bnejna l-istituzzjonijiet u b’mod ġenerali fassalna politika tajba – imma bosta drabi ma assigurajniex li din tkun implimentata, inkella qgħadna nduru mal-lewża u ħloqna wisq eċċezzjonijiet.”

Dan, fil-fehma tiegħi ifisser, li, wara kollox, hu ċar għal kulħadd li mhux biss hu meħtieġ li tfassal il-politika t-tajba, imma li huwa essenzjali wkoll li l-istituzzjonijiet li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ din il-politika jkunu f’pożizzjoni li jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom. Għax kif jistgħu jiffunzjonaw dawn l-istituzzjonijiet jekk f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija kruċjali jkollhom persuni partiġġjani jew persuni ta’ fiduċja tal-Ministru, flok persuni mħarrġa u teknikament kompetenti?

Wara kollox, it-twettieq tal-politika ambjentali jiddependi fuq tmexxija tajba (good governance) li ilha nieqsa mill-istituzzjonijiet għal perjodu mhux żgħir.

X’jiswa li jkollok il-politika tajba dwar l-ippjanar għall-użu tal-art biex imbagħad il-Gvern immexxi mill-PN iċedi għall-pressjoni tal-spekulaturi tal-art meta mexxa ’l quddiem proposta imsejħa skema dwar ir-razzjonalizzazzjoni li permezz tagħha l-limiti tal-iżvilupp ġew estiżi b’mod orizzontali? Biex tkompli tgħaqqadha, fl-istess ħin, il-PN fil-Gvern estenda wkoll il-limiti tal-iżvilupp f’direzzjoni vertikali. Bħala riżultat ta’ dan, il-PN fil-Gvern injora l-politika dikjarata tiegħu kif ukoll l-informazzjoni miġbura fid-diversi ċensimenti li kienu juru ċar li l-bini vojt kien qed jiżdied.

Meta l-PN jirrevedi l-politika tiegħu biex tiġi konsistenti mal-proposti ambjentali tagħhom, forsi nkunu f’pożizzjoni li niffurmaw opinjoni dwar jekk il-proposti ambjentali tal-PN humiex frott ta’ konvinzjoni inkella jekk għal darb’oħra humiex jippruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel

Il-politika ambjentali hi intrinsikament marbuta ma’ diversi oqsma oħra. L-estensjonijiet bl-addoċċ għal-limiti ta’ żvilupp ħolqu ħafna diffikultajiet lil diversi residenti Maltin li jridu jiġġeneraw l-enerġija alternattiva permezz tal-pannelli foto-voltajċi fuq il-bjut. Waqt li l-Ministru responsabbli mill-politika dwar l-enerġija alternattivi kien qed ifittex li jħajjar lin-nies biex jistallaw il-pannelli foto-voltajċi, min-naħa l-oħra l-Ministru għall-Ippjanar tal-Użu tal-Art kien mehdi jilgħab bl-għoli permissibli tal-bini f’diversi lokalitajiet. Kif nistgħu nippjanaw sewwa għal ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva jekk l-aċċess għax-xemx f’diversi lokalitajiet mhuwiex garantit b’għoli permissibli ta’ bini li ma jinbidilx?

Nitkellmu wkoll dwar il-ħtieġa li nassiguraw titjib fil-kwalità tal-arja, imma fl-istess ħin m’hemm l-ebda ħeġġa biex ikun indirizzat in-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna li qed jikber b’mod astronomiku. Dawn il-karozzi huma l-kawża ewlenija ta’ kwalità tal-arja li sejra dejjem għall-agħar, f’uħud mil-lokalitajiet tagħna. Minflok ma nindirizzaw din il-problema reali, gvern wara l-ieħor ipprefera li jagħmilha iktar faċli biex il-karozzi jibqgħu jiddominaw it-toroq tagħna u dan billi jroxxu l-miljuni fi proġetti infrastrutturali għal toroq mhux meħtieġa. Dawn il-proġetti jservu biss biex iżidu l-karozzi fit-toroq, meta l-oġġettiv ta’ gvern serju għandu jkun l-oppost: li dawn jonqsu.

Marbuta ma’ dan kollu hemm in-nuqqas ta’ attenzjoni lit-trasport pubbliku tul is-snin. Filwaqt li għandna nirrikonoxxu li matul dawn l-aħħar sitta u tletin xahar kien hemm titjib fis-servizz, dan xorta għadu ferm ’il bogħod minn dak mistenni f’pajjiż żgħir fejn id-distanzi bejn il-lokalitajiet huma minimi. Dan ukoll kien falliment ieħor fit-twettiq ta’ ‘politika tajba’.

Il-politika ambjentali hi dwar għażliet u deċiżjonijiet. Tul is-snin, Alternattiva Demokratika, il-partit ekoloġiku f’Malta, fittex li jqiegħed dawn l-għażliet fuq l-aġenda nazzjonali biex il-Maltin ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedu.

Wara ħafna snin, il-Partit Nazzjonalista stenbaħ għar-realtà ambjentali ta’ madwarna. Waqt li dan, minnu nnifsu hu sinjal tajjeb, nistennew li l-PN jibda l-proċess biex jirrevedi l-bqija tal-politika tiegħu u jġibha konsistenti mal-proposti ambjentali mħabbra. Meta dan iseħħ, forsi nkunu f’pożizzjoni li niffurmaw opinjoni dwar jekk il-proposti ambjentali tal-PN humiex frott ta’ konvinzjoni inkella jekk għal darba oħra humiex jippruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel.

 

Carmel Cacopardo hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected]http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Politika