Ħallikom mill-Panama u l-Pastizzi għax l-Ewropa qed tiddiskuti l-Banana

Il-Banana hi l-aktar frotta li tittiekel fid-dinja u l-Ewropa timporta żewġ terzi mill-banana prodotta fid-dinja

Filwaqt li Malta jinteressaha l-iżjed dwar l-iskandlu tal-Panama u fi tmiem il-ġimgħa anke dwar il-pastizz Malti, il-Parlament Ewropew kien qed jiddiskuti l-Banana. Għax il-Parlament Ewropew irid jissalvagwarda 37,000 impjieg fl-industrija tal-banana li tiġi prodotta fl-Ewropa. Il-Banana fil-fatt hi l-aktar frotta li tittiekel bi kwantita madwar id-dinja kollha u l-Ewropa timporta terz tal-produzzjoni globali.

Sadattant 11% biss mill-banana li tittiekel fl-Ewropa tiġi mixtrija mill-produtturi Ewropej, il-bqija kollha tiġi impurtata mill-Kolumbja u l-Peru. Issa ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi mill-Amerka Latina li jipproduċu l-akbar kwantità ta’ banana daħlet l-Ekwador fi ftehim kummerċjali magħhom. U hawn hi l-biża' li dan il-fatt jista' jiddistabilizza s-suq u dak Ewropew jieħu daqqa ta’ ħarta. Għalhekk l-Unjoni Ewropea ddiskutiet f’seduta plenarja nhar il-Ħamis li għadda kif se tikkontrolla l-importazzjoni mill-Amerka Latina.

L-Unjoni Ewropea qalet li hu importanti li l-produtturi Ewropej jiġu aktar protetti u se jkunu parti mill-monitoraġġ tas-suq. Sadanittant ġie deċiż li jekk ikun hemm żieda kbira fl-importazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha obbligu legali li twaqqfu. L-Ekwador li hi l-akbar produttur tal-banana fid-dinja ingħaqdet mal-Peru u l-Kolombja fil-ftehim kummerċjali li dawn għandhom mal-Unjoni Ewropea f’Jannar ta’ din is-sena, wara li ntlaħaq ftehim fix-xahar ta’ Diċembru. Din il-liġi għaddiet b’544 vot favur, 78 kontra u 21astensjoni.

More in Politika