
'Hawn niddiskutu l-Ewropa u mhux Malta'
Casa jerġa' jtenni fil-Parlament Ewropew li Malta għandha l-aktar gvern korrott fl-istorja, b'MEP Soċjalista Ġermaniża ċċanfru

More in Politika
Casa jerġa' jtenni fil-Parlament Ewropew li Malta għandha l-aktar gvern korrott fl-istorja, b'MEP Soċjalista Ġermaniża ċċanfru
F'diversi kumitati fejn il-ministri Maltin ippreżentaw il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija, kien hemm l-MPE Nazzjonalisti li dejjem qajmu l-każ ta' 'Gvern Malti korrott' u l-każ tal-iskandlu Panama fejn ħafna drabi dawn l-attakki baqgħu għaddejjin mar-riħ u kienu l-ftit jew xejn minn membri Parlamentari barranin li kkumentaw dwarhom. Innutajt li l-Ewropa qed turi li aktar jinteressawha suggetti li jolqtu lill-Ewropa milli dak li qed jiġri fil-politika lokali. Però, fil-kumitat tal-EPSCO donnu li dan is-suġġett ħoloq ftit kontroversja aktar minn kumitati oħra.
Jekk niddiskutu l-politika lokali f'dan il-kumitat, innaqqsu l-ħin biex niddiskutu dak li jirrigwardja lil dan il-kumitat Marita Ulvskog
F'dan il-kumitat, għall-ewwel darba, il-punt li qajjem David Casa dwar 'l-aktar gvern korrott fl-istorja' fejn semma l-każ fid-dipartiment ta' Evarist Bartolo u l-każ ta Ministri li jħaddmu familjari tagħhom (fejn kien qed jirreferi għall-każ ta' iben il-Ministru Helena Dalli), kellu bħal speċi ta' ċanfira mic-chairperson tal-kumitat, Marita Ulvskog mill-Iżvezja li mill-ewwel wiegbet lil Casa, "Hawn irridu niffukaw fuq dak li jirrigwarda lill-Ewropa u mhux dak li jirrigwarda lil Malta jekk ma jaffetwax l-Ewropa."
Sadanittant, l-MEP Soċjalista Ġermaniza Jutta Steinsruck qalet li baqgħet skantata kif membru tal-kumitat tal-EPSCO bħal David Casa, ma nteressahx is-suġġett tant importanti fuq ġustizzja soċjali u fuq Ewropa soċjali, u għażel li jidħol fil-politika lokali. "Dan it-tip ta' xettiċiżmu qed isir xi ħaġa regolari fil-Parlament Ewropew," li jsemmi każi li jolqtu biss il-politika lokali Maltija li għall-Ewropa, ma tinteressa xejn. "Nispera li s-suċċess li kellha Malta fil-qasam tax-xogħol jasal fuq l-Ewropa kollha f'din il-presidenza," temmet is-soċjalista Ġermaniża.
MPE Franċiż qal li jaqbel ma' dak li qal Casa, però jfakkar li anke f'pajjiżu, Franza jiġri l-istess. Membru oħra tal-kamra qalet li hi taqbel ma' Casa li l-politika lokali tiġi diskussa fil-parlament Ewropew iżda ċ-chairperson qaltilha li l-każi għandhom jitpoġġew fil-kumitati rispettivi u mhux każ dwar korruzzjoni jitqajjem f'kumitat tax-xogħol, edukazzjoni u ġustizzja soċjali, "jekk niddiskutu l-politika lokali f'dan il-kumitat, innaqqsu l-ħin biex niddiskutu dak li jirrigwardja lil dan il-kumitat" qalet iċ-chairperson Żvediża.