'Fin-nofs hemm il-ħajja ta wliedna u għalhekk għandna niżguraw li ntuhom l-aqwa mediċina '

Miriam Dalli tappella għal politika favur it-trattament innovattiv kontra l-kanċer fit-tfal

 

Il-kanċer jibqa’ l-aktar marda fatali għat-tfal fl-Ewropa, b’madwar 35,000 tfal u adolexxent jinstabulhom sintomi ta’ kanċer kull sena, li minnhom 6,000 imutu. Żewġ terzi ta’ dawk li jgħelbu l-kanċer jibqgħu jbatu minn effetti sekondarji relatati mat-trattament għall-bqija ta’ ħajjithom.

Ir-riċerka dwar kanċer pedjatriku spiss ma tingħatax prijorità, dan minħabba li kemm l-għadd ta’ pazjenti kif ukoll l-marġini ta’ profitt hu wieħed relattivament żgħir. Dan iwassal biex ftit li xejn ikun hemm żviluppi fir-riċerka dwar trattamenti innovattivi speċifikament għal kanċer li jolqot tfal u adolexxenti.

Ir-regolamenti Ewropej dwar mediċina pedjatrika li daħlet fis-seħħ fl-2007 ħalliet impatt pożittiv fuq l-iżvilupp ta’ din il-mediċina, madankollu f’diversi oqsma fosthom l-onkoloġija pedjatrika, dan ma kienx biżżejjed.

Riżoluzzjoni tas-Soċjalisti u Demokratiċi ġiet approvata fil-Parlament Ewropew biex ikun hemm fondi li jixprunaw aktar riċerka fil-mediċina tat-tfal. Dan għandu jwassal għal titjib fit-trattamenti mediċi offruti, u fil-kwalità tal-ħajja ta’ tfal u adolexxenti wara l-kanċer.

L-MPE Maltija Miriam Dalli, bħala kelliema tas-Soċjalisti fuq is-Saħħa, insistiet li tfal bil-kanċer għandhom jingħataw l-aqwa opportunitajiet possibli biex jgħixu f’saħħa tajba il-bqija ta’ ħajjithom.

“Hu essenzjali ħafna li dawn it-tfal ikollhom aċċess għal terapija u mediċini ġodda biex tikber il-possibbiltà li jgħixu u jgħelbu l-kanċer. Nappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura biżżejjed programmi ta’ fondi li jappoġġjaw riċerka pedjatrika tal-ogħla livell,” qalet Miriam Dalli, li ssuktat tgħid li anke l-istati membri għandhom jappoġġjaw programmi simili ta’ aktar riċerka u żvilupp.

“Fin-nofs hemm il-ħajja tat-tfal tagħna u għalhekk għandna niżguraw li ntuhom l-aqwa terapija u mediċina possibbli,” qalet Dalli.

Il-Kumitat għas-Saħħa Pubblika fil-Parlament Ewropew qed jistenna rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni preżenti, li mistenni jagħti stampa ċara tal-marġini biex jiġi addottat il-qafas leġislattiv attwali. Hu maħsub li dan ir-rapport se jiġi ppubblikat fl-2017.

More in Politika