Il-liġi l-ġdida kontra d-diskriminazzjoni 'hija attakk faxxista mill-Gvern'

Skejjel tal-Knisja ma jistgħux jinsistu li l-għalliema impjegati magħhom ikunu Nsara, minħabba diskriminazzjoni abbażi tat-twemmin reliġjuż

ritratt : Chris Mangion
ritratt : Chris Mangion

Alleanza Bidla tgħid li l-liġi li se tiġi preżentata fil-Parlament dwar l-ugwaljanza u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni hija, "attakk faxxista mill-Partit Laburista."

Il-Partit qal li jixtieq juri solidarjetà mal-Knisja "f'dan il-mument diffiċli u ta’ prova meta il-gvern ta’ Joseph Muscat irid joħnoq l-indipendenza ta’ l-iskejjel kattoliċi u jindaħal lill-ġenituri fuq it-tip ta’ edukazzjoni li huma jixtiequ jagħtu lill-uliedhom."

L-abbozzi ta' liġi ġodda li se jitressqu fil-Parlament għandhom l-għan li jgħaqqdu il-liġijiet kollha tal-ugwaljanza f'liġi waħda, sabiex ma ssir ebda diskriminazzjoni abbażi ta' razza, ġeneru, diżabbiltà u twemmin reliġjuż fost l-oħrajn. 

Dan għaldaqstant ifisser li l-iskejjel tal-Knisja ma jistgħux jibqgħu jinsistu li l-għalliema impjegati magħhom ikunu Nsara, minħabba li din tibda tikkostitwixxi għal diskriminazzjoni abbażi tat-twemmin reliġjuż, jekk persuna li mhix Nisranija tkun tixtieq taħdem fi skola tal-Knisja.

Fi stqarrija, Alleanza Biddla qalet li tagħraf id-dritt tal-ġenituri kollha li jagħtu l-edukazzjoni li jixtiequ lill-uliedhom. "Dan jinkludi d-dritt tagħhom li jagħtuhom edukazzjoni konfessjonali u nisranija. Tagħraf id-dritt sagrosant li din l-edukazzjoni tingħata minn għalliema ta’ dan it-twemmin. L-ebda stat taħt l-ebda pretenzjoni ma jista’ jindaħal jew jinnega dan id-dritt lill-ġenituri.  Dan hu d-dritt fundamentali. Meta l-istat jagħmel hekk ikun qed jġib ruħu ta’ stat totalitarju. Din hija dittatura pura taħt il-qafas tad-demokrazija," tkompli tinsisti Alleanza Bidla, waqt li ssosti li se tkun fuq quddiem "f’din il-ġlieda għall-liberta’ f’pajjiżna. Ser tkun qed tiġġieled għad-dritt ta’ dawn il-genituri u dawk il-gruppi kollha li qed iħossuhom imwarrba u attakkati minn dan il-Gvern."

Għaldaqstant, appellat sabiex id-deputati kollha ta’ rieda tajba biex "jivvutaw kontra din il-ligi faxxista li dan il-Gvern irid jgħaddi mill-Parlament Malti."

Il-Ministru għad-Drittijiet Ċivili, Helena Dalli se tkun qed tippreżenta l-ewwel qari fil-Parlament taż-żewġ abbozzi ta' liġi, għada l-Erbgħa.

More in Politika