Il-Pjan ta' Difiża Ewropew se jżid ix-xettiċiżmu dwar il-proġett Ewropew. Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar ħidma fuq il-Pjan ta’ Difiża Ewropew u l-Fond Ewropew ta’ Difiża huma proġetti li bihom joħolmu l-uffiċċjali fi Brussell fl-isforzi tagħhom li jegħlbu l-‘għajja’ li ħakmet l-Ewropa. Dawn il-pjanijiet jista’ jkollhom konsegwenzi perikolużi u mhux intenzjonati, li wħud minnhom lanqas biss qed naħsbu fuqhom. Il-kapaċità ta’ difiża Ewropea, jew anki l-bidu tagħha, se tispiċċa biex iżżid ix-xettiċiżmu dwar il-proġett Ewropew. Dan qalu Alfred Sant waqt id-dibattitu dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena 2017 fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Dr Sant qal li l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena 2017 għandu punt ta’ vantaġġ u punt ta’ żvantaġġ. Il-punt ta’ vantaġġ huwa l-inizjattiva għaż-Żgħażagħ, li hija prijorità tajba ħafna. Il-proposta li jkun stabilit Korp ta’ Solidarjetá Ewropea timmerita appoġġ sħiħ. Tfittex li timpenja żgħażagħ f’inizjattivi pubbliċi fejn jistgħu jitgħallmu ħiliet soċjali u tekniċi, u fl-istess ħin jifhmu aktar ir-realtajiet ta’ Ewropa li qed tinbidel. Wieħed jittama li l-iskema tkun imħaddma minn entitajiet nazzjonali involuti fl-affarijiet taż-żgħażagħ. L-agħar li jista’ jiġri huwa li titgħaddas taħt il-valuri tan-nies li jgħixu fil-‘bżieżaq’ ta’ Brussell.
Il-Parlament Ewropew kien qed jiddiskuti l-Programm ta’ Ħidma li juri l-inizjattivi u il-prijoritajiet għal 2017. Dan huwa t-tielet Pjan ta’ ħidma li qed isir taħt il-Kummissjoni ta’ Juncker. Huwa konformi mal-prijoritajiet identifikati mis-27 mexxej tal-Istat fi Bratislava. Tinkludu proposti konkreti li jistgħu jikkontribwixxu għal viżjoni fit-tul tal-Unjoni qabel is-60 anniversarju mit-trattati ta’ Ruma f’Marzu 2017.