L-Etika Parlamentari: id-disproporzjoni bejn il-ksur u l-konsegwenza
Fost il-ħafna rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, hemm dawk li jispikkaw għan-nuqqas ta’ azzjoni kontra dawk li kisru l-etika

minn Ilenia Debono

Minn mindu daħal fis-seħħ l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika fl-2018, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika serva ta’ watchdog għal din il-liġi. Mill-investigazzjonijiet tal-Kummissarju saru xi sejbiet kontroversjali, imma l-konsegwenzi kienu daqsxejn sproporzjonati.
L-irwol tal-Kummissarju huwa primarjament li jistħarreġ jekk ministri, segretarji parlamentari, jew membri oħra tal-Parlament imxewx b’mod kontra liġi, kontra xi obbligu etiku jew dmir ieħor li joħroġ mil-liġi jew li jirrappreżenta abbuż ta’ poter. Il-Kummissarju jiftaħ investigazzjoni minn jeddu jew jekk jirċievi ilment.
Mll-64 rapport li hemm disponibbli fuq is-sit uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju, il-ġurnal indaga f’ċerti rapporti li saru mis-sena l-oħra s’issa fejn il-Kummissarju sab ksur ta’ etika u l-konsegwenza li affaċċjaw dawk li kisru l-etika.
Justin Schembri, 13 ta’ Novembru 2024
Neville Gafà, l-aħħar addizzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għamel ilment lill-Kummissarju fuq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ li dan tal-aħħar qed jonqos milli jattendi għal xogħlu bħala għalliem mal-Gvern. Wara l-investigazzjonijiet tal-Kummissarju, b’evidenza sottomessa minn Neville Gafà favur l-argument tiegħu, mis-Segretarju Permanenti u l-kap tal-iskola fejn ikkonfermaw l-attendenza ta’ Schembri fil-post tax-xogħol.
Wara l-investigazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissarju, Schembri ma nstabx ħati fir-rigward tal-attendenza tiegħu għax-xogħol. Madankollu, il-Kummissarju sab lil Schembri ħati li kiser artikolu 6 tal-Kodiċi li jgħid li m’għandu jkun hemm l-ebda referenza għall-irwol ta’ membru parlamentari waqt xogħol professjonali li jista’ jagħti lill-istess membru vantaġġ mhux xieraq. Dan il-ksur ġie nnutat fil-firma li kien juża Schembri fuq l-email tax-xogħol tiegħu li kien fiha “MP, Shadow Minister for Education”.
Il-Kummissarju ordna li din il-firma ma tibqax tintuża u li Schembri joħroġ apoloġija, kif għamel. Il-Kummissarju uża dan il-każ sabiex itenni rakkomandazzjonijiet oħra li kien għamel il-Kummissarju preċedenti sabiex “jiġi ċċarat jekk deputat parlamentari li huwa impjegat pubbliku jistax jiġi rilaxxat mix-xogħol biex jattendi laqgħat tal-grupp parlamentari tiegħu” kif ukoll sabiex jiġu introdotti mekkaniżmi sabiex l-entitatjiet pubbliċi li jħaddmu deputati parlamentari jkunu jistgħu jiżguraw li l-faċiltà ta’ rilaxx mhix qed tiġi abbużata.
Alex Borg, 24 ta’ Lulju 2024
Il-kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej Jesmond Bonello għamel ilment dwar id-deputat Nazzjonalista Alex Borg, fejn allega li Borg għamel dikjarazzjonijiet mhux veritieri dwar il-konċessjoni tal-Forti Chambray.
Bonello kkwota post minn fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Borg fejn dan tal-aħħar kiteb “il-Gvern reħa minn idejh l-obbligu kuntrattwali li jirrestawra l-fortifikazzjonijiet u minflok xeħet dan l-obbligu fuq il-konċessjonarju l-ġdid,” fejn Bonello argumenta li Borg qal il-kontra ta’ dak li hu veru fuq dan l-obbligu kuntrattwali. Bonello għamel referenza wkoll għal intervista li Borg kellu ma’ MaltaToday fejn qal li “l-Gvern kien suppost irranġa s-swar. Issa li l-Gvern falla, m’għamilhiex dik il-ħaġa, il-privat qed jidħlu huma biex jagħmlu t-tiswijiet tas-swar biex inżommu l-fortifikazzjoni kif inhi,” li skont Bonello ma kienx parti mill-kuntratt.
Il-Kummissarju kkonkluda li dak li qal u kiteb Borg ma indikax li l-Gvern baqa’ obbligat iħallas għar-restawr tas-swar u t-tisħiħ tal-art ta’ taħthom. Għalkemm il-kummissarju qal li stqarrija inveritiera ta’ deputat tal-kamra ma tiksirx l-artikolu 1 tal-Kodiċi, huwa sab li din l-istqarrija tikser dan l-artikolu minħabba li Borg uża dan il-kliem sabiex “jiġġustifikaw il-vot tiegħu fil-Kumitat u fil-Kamra tad-Deputati dwar ir-reviżjoni tal-konċessjoni.”
Il-Kummissarju talab apoloġija mingħand Alex Borg, li qatt ma waslet u għalhekk ir-rapport ġie sottomess lill-Kumitat dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Clayton Bartolo u Clint Camilleri, 1 ta’ Frar 2022
Iċ-Chairperson tal-partit Momentum, Arnold Cassola, bagħat ilment lill-Kummissarju sabiex jinvestiga lill-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri, li kienu ingaġġaw lil Amanda Muscat li kienet is-sieħba ta’ Bartolo. Dan kien fost wieħed mill-iżjed rapporti kontroversjali u famuż fil-midja lokali.
Cassola talab li jiġi investigat jekk Bartolo kienx hemm xi favuritiżmu ma’ Muscat, jekk Camilleri hux qed jimpjega nies li ma jattendux għax-xogħol u ksur ta’ etika miż-żewġ ministri.
Fir-rapport, il-Kummissarju qajjem punt fuq jekk jeżistux salvagwardji effettivi kontra abbużi fl-ingaġġ ta’ policy consultants, il-grad li kellha Muscat. Muscat qalet li meta nħatret bħala policy consultant fil-Ministeru għat-Turiżmu, hi baqgħet xorta tagħmel ix-xogħol ta’ segretarja privata, il-kariga li kellha qabel, għalkemm żdied xi xogħol ieħor miegħu. Madankollu, il-manwal jgħid li policy consultant għandu jagħmel xogħol purament ta’ konsulenza.
Il-Kummissarju fela wkoll il-kwalifiki ta’ Muscat fejn innota li ma kienx hemm xi kwalifiċi, esperjenza, jew għarfien relatat mat-turiżmu, kriterja neċessarja għal kariga bħal din. John Grima, l-Eks Kap tas-Segretarjat tal-Ministru Bartolo, ipprova jiġġustifika dan billi qal li hu ħares aktar lejn “il-kapaċitajiet, il-ħsibijiet, u l-ideoloġiji tal-persuna.”
Iż-żewġ ministri sostnew li l-ingaġġ ta’ Muscat kien ir-responsabbiltà tal-kapijiet tas-segretarjati tagħhom rispettivament. Camilleri sostna li hu ma mexiex b’favoritiżmu fil-konfront ta’ Muscat, kif ukoll li ma kinitx ir-responsabbiltà tiegħu li jissorvelja l-impjegati jekk dawn ma jidħlux għax-xogħol.
Għal dawn ir-raġunijiet, fost oħrajn, il-Kummissarju sab iż-żewġ ministri ħatja ta’ ksur ta’ artikoli mill-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari. Camilleri ġie ordnat joħroġ apoloġija mill-Kumitat għall-Istandards, u żamm il-pożizzjoni tiegħu ta’ ministru. Filwaqt li Bartolo rrifjuta li jirriżenja riżultat ta’ din il-kontroversja, kellu jirreżenja meta nqabad fi skandlu ieħor ma’ Muscat u anke ġie skomunikat mill-Partit Laburista.
L-irwol tal-Kummissarju sabiex jikxef ksur ta’ etika huwa wieħed essenzjali imma kemm verament qed jingħata l-importanza li jistħoqqlu? Il-poter tal-Kummissarju huwa limitat sa apoloġija u jgħaddi r-rapport għand il-kumitat. F’dawn il-każijiet, Alex Borg ma ħariġx l-apoloġija tiegħu, Clint Camilleri żamm postu ta’ ministru wara skandlu massiv, u Bartolo tilef il-kredibilità wara skandlu ieħor seħħ.
Il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jgħid li l-infurzar jaqa’ f’idejn il-Prim Ministru, imma x’jiġri jekk il-Prim Ministru stess jinstab ħati ta’ ksur tal-etika? F’kumment mill-Uffiċċju tal-Kummissarju, ġie spjegat li l-Kodiċi li tagħti dan il-poter lill-Prim Ministru ġie ppubblikat fl-2015, u ma ġiex inkorporat fl-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika li sar liġi fl-2017. Din it-taqsima tal-Kodiċi hija “konfliġġenti mal-Att innifsu”.
