L-Istat tal-Unjoni: Agius Saliba u Casa b’viżjoni Ewropea aktar ambizzjuża

L-MPEs Alex Agius Saliba u David Casa jitkellmu fuq punti ewlenien għall-UE

Nhar l-Erbgħa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea se twassal id-diskors annwali tagħha fuq l-Istat tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. 

Dan id-diskors jitqies bħala wieħed mill-aktar mumenti politiċi importanti tas-sena, għax fih jiġu mfissla d-direzzjonijiet li l-UE se tieħu fil-qasam politiku, ekonomiku u soċjali.

Qabel dan l-appuntament, tnejn mil-Membri Parlamentari Ewropej Maltin Alex Agius Saliba u David Casa taw żewġ briefings separati fejn tkellmu dwar l-aspettattivi tagħhom u l-prijoritajiet li jixtiequ jaraw indirizzati. Minkejja l-fatt li ġejjin minn żewġ partiti politiċi differenti, it-tnejn tennew l-importanza ta’ aktar ambizzjoni Ewropea u politika li tkun eqreb taċ-ċittadin.

Alex Agius Saliba: aktar azzjoni fuq housing u l-qasam diġitali

Agius Saliba wissa li l-UE tinsab f’punt ta’ deċiżjoni storiku, hekk kif qed taffaċċja pressjonijiet ġeopolitiċi minn naħat differenti, inkluża l-instabbiltà fi Franza wara li l-gvern tilef vot ta’ fiduċja. Huwa qal li dan kollu qed joħloq sens ta’ inċertezza li trid tiġi indirizzata b’aktar ambizzjoni leġislattiva.

Filwaqt li semma l-isfida globali tal-housing, li mhix biss problema lokali iżda waħda Ewropea, sostna li minkejja li teżisti kummissarjat speċifiku għal dan il-portafoll, l-azzjoni konkreta kienet limitata. Huwa għamel pressjoni sabiex il-Kummissjoni tagħmel aktar u ma tibqax lura f’dan il-qasam soċjali.

Agius Saliba kompla jindika t-tħassib tiegħu fuq is-sostenibbiltà ambjentali, fejn argumenta li l-viżjoni ekoloġika tal-UE saret f’minoranza u qed tiġi attakkata b’mod qawwi. “Jeħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat messaġġ ċar u tikkalma l-inċertezza,” saħaq.

Dwar id-dinja diġitali, l-MPE Laburista spjega li l-UE għadha totalment dipendenti fuq pjattaformi Amerikani, hekk kif semma li l-Ewropa qeda taħt tehdida li jista jitwaqqaf kull servizz diġitali, bħall-cloud, li huma servizzi important għal-ħajja ta’ kuljum. F’dan il-kuntest, huwa rrimarka li diġà twaqqaf intergrupp fil-Parlament Ewropew biex jitfa’ aktar pressjoni fuq il-Kummissjoni sabiex jiġu żviluppati pjattaformi diġitali Ewropej, inkluż f’setturi bħall-edukazzjoni fejn għalliema u studenti jkollhom spazju sigur Ewropew minflok ikunu kompletament dipendenti fuq servizzi barra mill-kontinent.

David Casa: sigurtà tal-ġurnalisti u prijoritajiet soċjali

Min-naħa tiegħu, David Casa poġġa s-sigurtà tal-ġurnalisti bħala prijorità ewlenija. Huwa fakkar fil-perikli li jiffaċċjaw ġurnalisti madwar id-dinja, inkluż fl-inħawi ta’ kunflitti bħall-Gaza. Casa qal li diġà waqqaf grupp speċjali biex ikompli jimbotta din il-kawża fil-livell Ewropew.
Fl-istess waqt, Casa sostna li l-UE trid tpoġġi l-qasam tat-tfal u l-familji fuq quddiem nett tal-aġenda. 

Tkellem ukoll dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, b’mod partikolari l-“brain drain” minn Malta, fejn ħafna żgħażagħ qed iħossu li jridu jmorru barra biex isibu opportunitajiet. Casa appella għal aktar investiment lokali biex iż-żgħażagħ jinżammu f’pajjiżhom u jkunu jistgħu jibnu l-futur tagħhom qrib il-familji tagħhom.

Fir-rigward ic-chat control, Casa qal li bħala żewġ partiti jaqblu li m’għandux jkun hemm indħil fil-privatezza tan-nies u li dan m’għandux ikun il-mod ta kif naqbdu n-nies li jabbużaw mill-internet. 

L-MPE Nazzjonalista żied jgħid li, minkejja d-differenzi politiċi lokali, hu jaħdem tajjeb mal-MEPs Laburisti u jara importanza kbira li l-Maltin fil-Parlament Ewropew jaħdmu flimkien għall-ġid tal-pajjiż.

More in Politika