Busuttil jgħid lill-Kummissarju Ewropew li l-poplu Malti mhux kollu bħal-Konrad u Keith Schembri

'F’pajjiż demokratiku, n-nies għandhom ikunu jafu min huma s-sidien tal-isptarijiet li ġew privatizzati'




F’pajjiż demokratiku, l-familji kollha għandhom id-dritt li jkunu jafu min huma s-sidien tal-isptarijiet, minkejja li dawn ikunu ġew privatizzati. F’Malta, iżda, l-familji ma jafux min huma s-sidien tal-Isptar Karen Grech, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li l-Gvern għażel li jiprivatizza.


Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, l-Konsumatur u l-Ugwaljanza Vera Juorova. Simon Busuttil qal li hu jemmen f’demokrazija serja, u għalhekk dawn l-affarijiet ma jistgħux jitħallew għaddejjin qisu xejn mhu xejn. Hu rrefera wkoll għall-iskandlu tal-Panama Papers, u qal li l-poplu Malti u Għawdxi m’huwiex kollu bħaż-żewġ membri tal-Gvern li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.


Simon Busuttil qal li hu kburi li hu l-ewwel Kap tal-Partit Nazzjonalista li ħatar Shadow Cabinet li għandu nisa daqs kemm għandu rġiel. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja l-Presidenza ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li ddeskriva l-Presidenza bħala opportunità għal Malta biex turi li kapaċi tmexxi l-aġenda b’serjetà.


Fl-aħħarnett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar lill-Kummissarju Ewropew għall-fatt li kienet l-ewwel Kummissarju Ewropew li waqqfet l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew, kif ukoll għall-ħidma tagħha fil-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus.


Għall-laqgħa mal-Kummissarju Ewropew attendew ukoll ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi, x-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, l-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.
 

More in Politika