'Il-PN qed ikun il-vuċi taż-żgħażagħ li ta’ 16-il sena jibdew il-ħajja'

Mhux aċċettabbli li żgħażagħ jibdew il-ħajja tax-xogħol b’riskju li jibqgħu jaħdmu bil-paga minima

"Il-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi taż-żgħażagħ li ta’ 16-il sena jibdew il-ħajja tax-xogħol mingħajr kwalifiċi, bir-riskju li jibqgħu jaħdmu bil-paga minima tul ħajjithom kollha. Din mhix sitwazzjoni aċċettabbli u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex jassigura li aktar żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni bil-kwalifiċi neċessarji biex isibu xogħol ta’ kwalità u b’paga tajba." Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Waqt din il-laqgħa, l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ppreżentaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista r-riżoluzzjonijiet li ġew approvati fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien ħa sehem f’dan il-Parlament f’Settembru li għadda. It-temi tar-riżoluzzjonijiet approvati mill-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ huma: edukazzjoni mhux formali, sigurtà u divertiment, żvilupp sostenibbli, l-aċċessibilità tal-gżira Għawdxija, l-faqar u l-ġustizzja soċjali, u r-riforma kostituzzjonali. Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-proposta tal-KNŻ biex il-vot ta’ 16-il sena jiġi estiż għall-elezzjonijiet kollha, u mhux biss għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. “Il-Partit Nazzjonalista laqa’ bi pjaċir din il-proposta tant li f’temp ta’ ftit ġranet, ressaq mozzjoni fil-Parlament biex dan id-dritt ikun assigurat,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li la ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena għandhom id-dritt li jaħdmu u l-obbligu li jħallsu t-taxxa, għandu jkollhom id-dritt ukoll li jgħażlu r-rappreżentanti tagħhom.
Minn naħa tiegħu, l-President tal-KNŻ Michael Piccinino qal li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jemmen li ż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur, iżda anke l-preżent ta’ pajjiżna. Hu qal li s-sena d-dieħla, l-KNŻ se jżid l-impenn tiegħu biex iż-żgħażagħ joħorġu bi proposti, li wieħed jispera, li jiġu implimentati mill-partiti politiċi. 

More in Politika