Ir-riforma tal-copyright jeħtieġ li ġġib bidla fid-disponibbiltà u l-aċċessibilità għall-kontenut diġitali

filwaqt li tiżgura kumpens ġust għall-awturi u l-kreaturi.

"Ir-riforma tal-copyright jeħtieġ li ġġib bidla fid-disponibbiltà u l-aċċessibilità għall-kontenut diġitali filwaqt li tiżgura kumpens ġust għall-awturi u l-kreaturi. Ir-riforma proposta tintroduċi eċċezzjonijiet li jiffaċilitaw it-tagħlim fil-klassi kif ukoll e-learning fuq livell transkonfinali. Dan qed isir fil-kuntest li diġà hemm xi prattiċi tajbin f'dan ir-rigward fi Stati Membri li jikkunsidraw kemm il-ħtieġa għal kontenut diġitali fit-tagħlim kif ukoll kumpens mistħoq għall-awturi u l-pubblikaturi. "

Il-MPE Therese Comodini Cachia għamlet dawn ir-rimarki meta kienet qed tiddiskuti r-riforma tal-copyright mal-ġurnalisti f'Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta. Il-konferenza stampa ġiet organizzata flimkien mal-Uffiċċju Informazzjoni  tal-Parlament Ewropew ta' Malta.

Comodini Cachia qalet li r-riforma għandha tilħaq bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet tal-ħallieqa tal-kontenut u l-utenti. "Id-drittijiet tal-awturi u l-produtturi se jkomplu jiġu protetti, iżda f’dinja diġitali l-kontenut għandu jkun aktar aċċessibbli għall-utenti finali. Ir-riforma se tiffaċilita d-disponibbiltà u l-aċċessibilità tal-kontenut, kemm jekk tkun kotba, films jew mużika ".

Hija spjegat li l-eċċezzjonijiet fuq it-text u data mining jiffaċilitaw r-riċerka għax dawn jippermettu lir-riċerkaturi konnessi ma' universitajiet u istituzzjonijiet oħra ta' missjoni pubblika li jfittxu f'numru kbir tad-dokumenti ppubblikati biex jiġu estratti konklużjonijiet ġodda u biex jiġġeneraw aktar tagħrif.

Comodini Cachia qalet li l-proposta tiffaċilita wkoll l-użu ta' riżorsi għall-għalliema inklużi xogħlijiet ippubblikati u kontenut kulturali ieħor għall-użu illustrattiv. Id-direttiva proposta se tiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta’ e-learning transkonfinali billi tippermetti l-użu ta' kontenut li jittella bħala riżorsa għall-istudju' onlajn. Istituzzjonijiet responsabbli mil-wirt kulturali wkoll se jibbenefikaw mir-riforma peress li se jkollhom il-faċilità li jagħmlu kopji diġitali tal-kollezzjonijiet tagħhom għal skopijiet ta' preżervazzjoni.

B'referenza għall-libreriji, Comodini Cachia argumentat li "Iċ-ċittadini jistennew li l-irwol tal-libreriji jinbidel sabiex jirrifletti l-istil tagħhom ta' ħajja diġitali. F'dan ir-rigward, għandna nagħtu lill-libreriji l-għajnuna li għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi mitluba mill-utenti u r-riformi għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom."

Fakkret li hemm aktar minn 400 kompożituri u artisti Maltin reġistrati mas-soċjetajiet ta' ġestjoni kollettiva. Hi qalet li l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-kuntratt u l-mekkaniżmu ta’ trasparenza kif qed jiġu diskussi fir-riforma se jindirizzaw l-isfidi eżistenti.

Hija u titkellem dwar termini ta' żmien, hi enfasizzat li hi m'għandha l-ebda intenzjoni li ttawwal il-proċess fuq dan id-dossier għaliex il-kwistjoni hija ta' importanza kbira mhux biss għall-ħallieqa tal-kontenut, iżda wkoll għaċ-ċittadini Maltin u tal-UE.

Comodini Cachia stqarret li qiegħda tiltaqa mal-partijiet interessati f'Malta u Brussell u l-MPE qabel tressaq ideat dwar kif għandha titjieb il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Ilbieraħ MPE Therese Comodini Cachia ltaqat wkoll mal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Andrus Ansip li huwa responsabbli għas-suq uniku diġitali waqt iż-żjara uffiċjali tiegħu f'Malta biex jiddiskutu aktar ir-riforma tal-copyright.

Comodini Cachia qalet li lil hinn mir-riforma tal-copyright hija kienet qed taħdem fuq żewġ fajls oħra relatati li flimkien huma pass importanti lejn il-kisba ta' suq uniku diġitali. Bħala membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, Comodini Cachia qed tikkontribwixxi għall-proposta tal-portabbiltà tal-kontenut. Dan se jiżgura li l-kontenut bħall-video on demand u mużika streamed akkwistati minn persuna fil-pajjiż tar-residenza tiegħu, ikunu wkoll aċċessibbli għalih matul il-waqfa temporanja tiegħu fi Stat Membru ieħor. Fi ħdan il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni hi qed isservi wkoll ta’ Rapporteur fuq il-geoblocking u qed taħdem biex jitneħħew l-ostakoli onlajn għall-aċċess diġitali ta' oġġetti u servizzi. Dan se jiffaċilita l-ħajja tal-konsumaturi li bħalissa huma jew mibgħuta lejn pjattaformi differenti biex jiġu akkwistati prodotti u servizzi ta' spiss bi prezzijiet ogħla, jew irrifjutati milli jaċċessaw dawk l-oġġetti u s-servizzi onlajn sempliċiment fuq il-bażi tal-pajjiż li fih huma residenti.


Bħala rapporteur f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, ir-rwol ta’ Comodini Cachia fuq dan ir-rapport leġiżlattiv huwa li jabbozza t-test tad-Direttiva biex jirrifletti l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-riforma. Dan huwa pass tant mistenni kemm mill-kreaturi kif ukoll mill-konsumaturi għaliex ir-regoli attwali tal-UE jmorru lura għall-2001 u ma jirriflettux ir-realtajiet tal-era tal-internet. Ir-riforma qed tiġi kkunsidrata bħala pass importanti fil-kisba ta' suq uniku diġitali.

More in Politika