Il-UĦM ġiet avviċinata minn diversi ħaddiema tal-Malta Freeport Terminal li jinsabu inkwetati bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li saret il-bierah. F’konferenza organizzata minn Ernst & Young, il-Prim Ministru Joseph Muscat, b’mod ċar, iddikjara li ma jaqbilx li l-Freeport Terminal ikompli jikber u jestendi.
Skont il-UĦM, id-deċizjoni li tħabbret mill-Prim Ministru l-bieraħ hi ta’ tħassib dwar kif il-Gvern qed jara l-futur tal-Freeport. Hi wkoll ta’ tħassib għall-futur tal-ħaddiema u l-familji tagħhom li l-għixien tagħhom jiddependi mill-istess Freeport.
"Il-Malta Freeport Terminal jaħdem f’industrija kompetittiva fejn il-bastimenti tal-merkanzija qegħdin kontinwament jikbru. Dan l-iżvillup jirrikjedi investiment kontinwu mill-istess Freeport Terminal u saħansitra jkollu bżonn medda akbar ta’ art sabiex dawn il-bastimenti jkomplu jattiraw aktar xogħol f’pajjiżna."
Din id-dikjarazzjoni kontra l-iżvilupp tal-Port Ħieles tikkontrasta bil-kbir mad- dikjarazzjoni tal-istess Prim Ministru li ħabbar l-iżvilupp ta’ nofs il-miljun metru kubu għall-hub loġistiku ġewwa Ħal Far.
Il-UĦM tisħaq li l-Freeport Terminal, matul is-snin ta’ eżistenza tiegħu, ikkontribwixxa mhux ftit lill-ekonomija Maltija. Mill-privatizzazzjoni ‘l hawn, il- Freeport investa aktar minn €230 miljun. Dan hu investiment dirett barrani ġewwa pajjiżna. Dan il-post tax-xogħol, direttament u indirettament, joħloq opportunitajiet ta’ mpjiegi bi qligħ lil madwar 1,800 ħaddiem.
Il-UĦM mhux kontra li jkun hemm żvilupp sostenibbli imma wara li jsiru studji ambjentali neċessarji. Din il-union kienet qed tistenna li qabel ma l-Prim Ministru jeskludi kategorikament l-espansjoni fil-Freeport kellha ssir analiżi ambjentali.
Għaldaqstant il-UĦM u l-ħaddiema tal-istess Malta Freeport Terminal jeħtiegu tweġibiet mill-Gvern dwar il-futur ta’ l-għixien tagħhom u kif id-dikjarazzjonijiet imħabbra mill-Prim Ministru se jaffettwaw il-futur tal-Freeport.
Sadattant il-UĦM kienet tistenna li l-Gvern jixpruna aktar tkabbir tal-investiment eżistenti f’pajjiżna u mhux iħabbar, b’ċerta leġġerezza, deċiżjonijiet li jistgħu inaqqru mill-kompetittivita ta’ kumpanija li ilha s-snin tikkontribwixxi lill-ekonomija ta’ pajjiżna.
"F’dawn iċ-ċirkustanzi jkompli jidher in-nuqqas ta’ konsultazzjoni u djalogu soċjali f’Malta, fejn deċizjonijiet daqshekk sensittivi jitħabbru fuq il-mezzi tax-xandir mingħajr ma jkun hemm diskussjoni mal-istake holders kollha." temmiet tgħid il-UĦM.