
Toni Abela jista' jieħu post Leo Brincat fil-Parlament
...qed jiġi mħeġġeġ jirritorna bħala deputat mexxej

More in Politika
...qed jiġi mħeġġeġ jirritorna bħala deputat mexxej
L-avukat Toni Abela, il-persuna li f’għajnejn il-Laburist huwa l-eroj tagħhom u jirrapreżenta ħafna mill-aspirazzjonijiet tagħhom, qed jiġi imbuttat li jerġa’ lura fil-kariga ta’ deputat mexxej tal-Partit Laburista. Jekk jaċċetta, huwa mistenni li jirbaħ għax id-delegati jħossu li għandhom jibagħtu messaġġ li l-Partit Laburista għandu jirritorna għall-għeruq tiegħu. Iktar u iktar, meta jiġi attakkat minn ġewwa u barra li tilef ir-ruħ soċjali li suppost għandu. Huwa mifhum li l-Prim Ministru huwa favur din il-mossa, imma għandu problema kif se jindirizza l-interess għall-kariga mill-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona.
Abela, li ma baqax deputat mexxej wara li kien ġie nominat bħala awditur fil-Qorti tal-awdituri fl-Ewropa, u għalih ma kienx sab l-appoġġ minn Brussell, qed jiġi wkoll ikkunsidrat biex ikun co-opted fil-Parlament wara l-post battal li se jħalli Leo Brincat, li hu nominat għall-istess pożizzjoni li kien Abela fl-Ewropa.
Abela, li huwa magħruf għall-elokwenza fil-kitba u b’mod speċjali meta jitkellem, ħaġa li Konrad Mizzi kien nieqes minnha, huwa Laburist tat-triq, jitħallat mal-Laburisti u dejjem kien assoċjat man-nies tat-triq u mhux man-negozju.
Fl-aħhar elezzjoni kien akkużat mill-PN li prova jaħbi każ ta’ droga, akkuża falza li kienet ġiet ivvintata minn persuna Laburista li kienet giet imkeċċija minn Toni Abela minn każin fuq suspett ta’ droga.
Minn ċkunitu kien Laburist u attiv, b’differenza għal oħrajn li ma kellhom l-ebda rabta mal-Partit.
Abela fuq livell elettorali huwa wkoll asset kbir b’mod speċjali fejn hemm maġġoranza Laburista bħal fl-ewwel distrett fejn Abela huwa popolari ħafna.
Abela m’għandux dehra ta’ ‘New Labour’ iżda din aktarx hija s-saħħa kbira tiegħu li fil-PL bħalissa hemm sensazzjoni tal-bżonn li jkun hemm ‘ritorn għar-ruħ soċjali’ u distakk mill-lingwaġġ ta’ negozju biss.
Abela huwa kkunsidrat bħala ideoloġikament rikk u jarawh fl-istess dawl bħal ma kienu jaraw fil-Labour Ingliż lil Tony Blair u Jonathan Prescott. Dan tal-aħħar magħruf għad-diskorsi mqanqlin u x-xejra xejn sofistikata.
Abela ilu minn ckunitu fil-Partit Laburista fejn kien attiv fiż-Żgħażagħ Laburisti u wara serva ta’ President tal-Partit. Fl-1989 telaq biex ifforma ma’ oħrajn l-Alternattiva Demokratika, u wara tmien snin reġa’ daħal fil-Partit Laburista u fl-2008 sar deputat mexxej. Abela huwa wkoll magħruf li ma jagħtix każ il-forma iżda konċernat mill-kontenut.