Il-proċess ta' konsultazzjoni u partikolarment permezz tal-punti li tqajmu mill-Malta Developers Asociation ħareġ fid-deher illi fost il-proposti tal-Gvern għall-qasma tal-MEPA hemm waħda li tagħtik il-faċilita' li tapplika biex tibni fuq art li mhux tiegħek mingħajr ma jkollok l-obbligu illi tippreżenta ittra mingħand sid dik l-istess art. Din il-proposta jidher illi se tkun qed treġġa l-arloġġ lura għall-qabel l-2010 meta dan l-obbligu kien għadu ma jeżitix.
Il-Liġi kif proposta tgħid illi l-applikant jeħtieġ juri illi huwa s-sid tal-art jew inkella li hu nnotifika lil sid l-art dwar l-iżvilupp li jrid jagħmel permezz ta' ittra reġistrata li kopja tagħha tingħata lill-Bord tal-Ippjanar. Dan ifisser li biex tibni fuq l-art tat-terzi kull ma trid huwa li tinforma lit-terz.
L-MDA fil-proposti tagħha dwar il-qasma fil-MEPA għamlitha ċara illi hija ma taqbilx ma din il-proposta u li jeħtieġ jibqa' l-obbligu li sid l-art jagħti l-kunsens tiegħu għall-iżvilupp.