Waqt żjara li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u għall-Presidenza 2017, Ian Borg għamel flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius fiċ-Ċentru Nazzjonali tax-Xjenza Interattiva – magħruf aħjar bħala ESPLORA – f’Villa Bighi fil-Kalkara, ingħataw l-aħħar dettalji dwar dan il-proġett li mistenni jkun lest aktar tard din is-sena.
Matul din iż-żjara iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Tekonoloġija (MCST) Jeffrey Pullicino Orlando spjega kif l-bżonn li nressqu èaktar qrib xulxin lix-xjenza flimkien man-numru kbir ta’ studenti li qegħdin jitħarrġu fis-suġġetti tax-xjenza fil-livell sekondarju huwa l-mira prinċipali ta’ dan il-proġett. Huwa antiċipat ukoll li dan l-investiment ser ikun qed jikontribwixxi sabiex itejjeb u jżid il-professjonijiet fix-xjenza u t-teknologija, u b’hekk jagħti lil pajjiżna aktar kapital uman li tant hu meħtieġ sabiex tkun sostnuta ekonomija dejjem aktar kompettitiva.
Dr Borg qal li dan huwa proġett li ser jgħin sabiex jimtela n-nuqqas li għandu pajjiżna f’oqsma tant importanti bħalma huma r-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa qal li dan kien proġett li x-xogħol fuqu beda b’mod konkret f’April tal-2014 u li ngħata spinta kbira f’dawn l-aħħar xhur proprju għaliex irid jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
Dan il-proġett ser ikun qed jiġi jiswa kważi €26 miljun li parti kbira minnhom ser ikunu qed jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dr Borg fakkar ukoll li għas-snin li ġejjin hemm ’il fuq minn €70 miljun f’Fondi Strutturali li huma allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni u stieden lil dawk kollha interessati sabiex jersqu ’l quddiem bl-ideat tagħhom.
Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari Chris Agius li qal li dan huwa l-akbar proġett relatat max-xjenza li qed isir f’pajjiżna. Huwa fakkar kif dan il-proġett qed iservi għan doppju hekk kif qed ikun riġenerat ukoll post storiku. Huwa faħħar ix-xogħol li qed tagħmel l-entità, fejn l-esibiti ser ikunu lesti x-xaħar d-dieħel u mistennija jkunu f’posthom ix-xahar ta’ wara. Ir-restawr tal-Kumpless ta’ Villa Bighi jinsab fl-aħħar stadju u qegħdin jiddaħħlu s-servizzi l-ġodda sabiex lejn l-aħħar ta’ din is-sena, ESPLORA jkun jista’ jibda jopera.