Anzjan ta’ 68 sena ġie ssentenzjat 9 snin ħabs wara li nstab ħati li stupra tifla ta’ 7 snin. William Gatt kien akużat stupra t-tifla wara li rabata mas-sodda meta hi kellha biss 7 snin iżda tkellmet dwar l-istupru meta għalqet 13 il-sena u wara li l-familja tagħha kienet telqet minn Malta u marret tgħix fl-Ingilterra.
Hu mifhum li meta t-tifla kellha 7 snin, kienet toqgħod fl-istess triq tal-anzjan u kienet tmur id-dar tiegħu biex tilgħab mal-qattusa li kellu. It-tifla qalet li l-aħħar darba li hija kienet marret għandu, Gatt kien abbuża minnha.
Għalkemm l-anzjan ammetta li t-tifla kienet tmur għandu, ċaħad li qatt kellu x’jaqsam magħha u qal li kienet qed tigdeb wara li missier it-tifla kien talbu jsellfu madwar €5,000 u li ċaħad li jsellifhomlu.
Il-Qorti qalet fid-deċiżjoni tagħha li temmen il-verżjoni tat-tifla u għalhekk ikkundannat lil Gatt sentenza ta’ 9 snin ħabs.