"Li kieku twelidt summiena maqbuda f'gallinar tat-tiġieg, kien ikun id-destin tiegħi li ningħata l-ikel u okkażjonalment ningħata injezzjoni - sakemm imbagħad fl-aħħar nispiċċa l-ikla ta' xi ħadd. Dan xorta qtil - imma ħadd ma jieqaf u jaħseb dwarha." Il-President tal-FKNK Joe Perici Calascione qal dan il-kliem, hekk kif sostna li l-mewt hija biss parti naturali tal-ħajja - "Jien nara l-qtil bħala parti naturali tal-ħajja," qal, waqt konferenza stampa organizzata mill-Awtorità tax-Xandir - konferenza stampa li qed issir jiem qabel Malta toħroġ tivvota f'referendum dwar jekk għandhiex titneħħa d-deroga fuq il-kaċċa tas-summien u l-gamiem.
Calascione talab biex l-għasafar jieqfu jiġu ppersonalizati, u l-kwistjoni tieqaf tkun issentimentalizzata - hekk kif sostna li "l-maġġoranza tagħna jħobbu jieklu t-tjur." L-argument li l-għasafar ikunu qed ipassu biex ibidu l-bajd u jirripproduċu huwa "sentimentaliżżmu mhux neċessarju", waqt li enfasizza li l-kaċċa ssir b'mod sostenibbli. Dan għamlu permezz ta' analoġija bl-eżempju bl-interessi u t-tfaddi, fejn qal li "bil-kaċċa qisek qed tmiss l-interessi imma ma tmissx il-kapital," fejn kompla jżid li l-kaċċaturi jisparaw fuq "għasafar li kienu ħa jmutu xorta waħda." Calascione kompla jisħaq fuq il-punt tiegħu billi kkumpara l-kwoti nazzjonali man-numru ta' summien u gamiem li hawn preżentament - liema statistika hija rikonoxxuta kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-BirdLife International. Huwa sostna li "l-limiti huma filfatt minimi," hekk kif il-kwota nazzjonali hija ta' 11,000 gamiema u 5,000 summiena - u l-istatistika tgħid li preżentament hemm 14-il miljun u 22 miljun gamiema u summiena rispettivament.
Calascione qal li vot ta' iva jfisser vot għall-bilanċ, rispett u toleranza "il-kaċċaturi ġa kellhom l-passatemp tagħhom imnaqqas għal 20 jum fir-rebbiegħa, u n-numru ta' speċi li tista' ssir kaċċa fuqhom ġa niżlet minn 23 għal tnejn. In-nies għandhom ikunu tolleranti u jaċċettaw il-passatempi ta' ħaddieħor."
"Għalkemm qatt ma wrejna l-kontribut tagħna fil-pubbliku qabel, il-kaċċàturi jaħdmu bis-sħiħ biex iżommu l-kampanja fi stat tajjeb sabiex jitgawda mill-pubbliku. Dan permez ta', fost l-oħrajn, proġetti bħal tindif u manutenzjoni ta' ħitan tas-sejjieħ," kompla Casascione, waqt li ċaħad li l-kaċċaturi jintimidaw lill-membri tal-pubbliku ġenerali.
Sostna wkoll li l-FKNK tara li ħadd ma jikser ir-regoli u li jkun hemm ħidma aktar mill-qrib bejn l-assoċjazzjonijiet biex tassigura li dawk li jiksru r-regoli jiġu espulsi mill-assoċjazzjonijiet tal-kaċċa u b'konsegwenza t'hekk jitilfu d-dritt li japplikaw għal liċenzja tal-kaċċa. Qal li l-lobby favur il-kaċċa stess qed tipprova tara li jkun hemm rappurtaġġ onesst ta' kemm jinqatlu għasafar - permezz ta', fost l-oħrajn, SMSes li jintbagħtu biex jiddikjaraw kemm inqabdu għasafar.
Mistoqsi dwar xi tkun ir-reazzjoni tal-kampanja tal-IVA jekk ir-referendum jintrebaħ mill-LE, Calascione qal li l-assoċjazzjonijiet in kwistjoni ħa jaħdmu bla heda biex isibu mezzi legali sabiex ikunu jistgħu jiddefendu l-passatemp tagħhom. Sostna li l-lobby favur il-kaċċa temmen fid-demokrazija fejn il-maġġoranza trid tirrispetta l-minoranzi - "f'dan il-każ, mezz demokratiku qiegħed jintuża sabiex jaffettwa u jgħakkes minoranza. Nittamaw li n-nies jifhmu l-importanza tat-toleranza u jaħdmu flimkien sabiex jiġġieldu l-abbużi f'dan is-settur," temm jgħid Calascione.