Din il-ġimgħa mistennija ż-żieda ta' €35 għal dawk li għandhom jieħdu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, pensjonanti, studenti li qed jirċievu stipendju u dawk li jħallsu t-taxxa tad-dħul li jaħdmu fuq bażi full-time u li mhux jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul tal-2015. Ħaddiema part-time mistennija jingħataw iż-żieda pro rata. Dan kollu hekk kif imwiegħed fil-budget tal-2015.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li ż-żieda preċedenti, ta' 58c bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA) ma kinitx biżżejjed u l-budget irid jara li jagħti kumpens għal dawk li l-aktar għandhom bżonn.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia spjega kif l-istudenti ħa jingħataw din iż-żieda llum, filwaqt li l-ħaddiema ħa jingħataw din iż–żieda nhar il-Ġimgħa 27 ta' Marzu f'forma ta' cheque. Il-pensjonanti u dawk li jieħdu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali ħa jirċevu ż-żieda nhar is-Sibt 28 ta' Marzu.
Il-bonus ħa jingħata lil dawk li kienu eliġibbli għalih fit-3 ta' Jannar, 2015, sostna Farrugia. Id-dipartiment tat-taxxa ħa juża l-aktar informazzjoni riċenti sabiex jagħraf min hu eliġibbli u min le - billi jirreferi għall-formoli tal-prospett tat-taxxa tal-2013. Dawk li ma tawx il-prospett tat-taxxa għal din is-sena mhux ħa jingħataw din iż–żieda.
"Dawk li jħossu li għandhom id-dritt għaż-żieda u għadhom ma rċevewhiex, għandhom jikkuntattjaw lil SPIC fuq 159." spjega Farrugia.