Abbozz ta' liġi ġdid dwar il-klima

Il-Ministru Leo Brincat jindrizza laqgħa tal-grupp dinji ta' parks bijosferiċi

“Malta qieset sewwa l-aspetti kollha soċjo ekonomiċi u ambjentali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u l-Kabinett tal-Ministri għadu kemm approva, għad-diskussjoni fil-Parlament, abbozz ta’ liġi dwar il-klima wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, li permezz tiegħu jkun assigurat il-ħarsien tas-setturi kollha, fosthom il-wirt nazzjonali u l-kultura.”

Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat, f’indirizz lill-ħames laqgħa tal-grupp dinji ta’ parks bijosferiċi mal-kosta u fuq il-gżejjer, u tkellem dwar l-importanza tal-preservazzjoni u l-ħarsien ta’ dawn ir-riservi bil-għan li jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri.

Waqt li rrefera għall-50 anniversarju minn meta twaqqfet il-Kummissjoni Nazzjonali tal-UNESCO u s-70 anniversarju tal-istess għaqda dinjija, il-Ministru Brincat sostna li l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu llum għandhom iwasslu għal impenn akbar u aktar pożittiv permezz tal-Pjan Strateġiku Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar il-Biodiversità li Malta qed tfittex timplimenta mhux biss għall-ħarsien tal-identità tagħha iżda anki bħala kontribut għall-biodiversità dinjija.

Il-pjan ta’ Malta għall-konservazzjoni tal-biodiversità huwa mwieżen minn fatturi realistiċi minħabba l-isfidi li jġibu magħhom id-daqs, id-densità demografika u l-fatt li Malta hija gżira-stat, fosthom it-theddida għall-flora u l-fawna minn speċi esterni. Dan ifisser taqbida sħiħa biex jinstab il-bilanċ meħtieġ bejn ir-riżorsi tal-art u l-ikel fuq naħa, u l-ħarsien tal-biodiversità fil-konfront mad-degradazzjoni tal-eko-sistema.

Il-Ministru Brincat żied jgħid li l-pjan strateġiku ta’ Malta jgawdi mill-benefiċċju ta’ ħidma integrata għal titjib fil-konservazzjoni u t-tisħiħ tal-biodiversità bil-ħsieb ukoll li jkunu mwettqa d-dmirijiet li joħorġu mid-Direttiva dwar il-Habitat fil-livell tal-UE.

Brincat tkellem dwar il-ħtieġa li l-poplu jsir aktar konxju tal-importanza tal-parks biosferiċi, aktar u aktar minħabba ċ-ċokon tal-gżejjer Maltin u l-bżonn ta’ spazji ekoloġiċi miftuħin għall-interazzjoni xierqa bejn l-umanità u n-natura. Għaldaqstant il-Gvern se jkun qed jagħmel minn kollox biex jappoġġja l-pjani ambizzjużi tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-UNESCO għall-ħolqien ta’ sit naturali mdaqqas għall-flora u għall-fawna indiġini.

Jattendu għal din il-konferenza hemm parteċipanti minn pajjiżi varji Ewropej, mill-Korea u ċ-Ċina, il-Kanada, is-Senegal, it-Tuneżija, l-Awstralja, u l-Islanda fost oħrajn, li jġibu magħhom il-kisba ta’ panorama analitika tar-riservi biosferiċi varji fid-dinja.

Il-Ministru semma wkoll il-mogħdija li ttieħdet biex, 45 sena mit-tnedija tal-programm ‘L-Umanità u l-Biosfera’, bdiet il-ħidma wkoll fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp sostenibbli bil-ħsieb li jkunu rispettati l-esiġenzi xjentifiċi, edukattivi, kulturali u rekreattivi. Huwa awgura li l-konferenza tkompli tifli l-karatteristiċi ta’ żoni mal-kosta u fuq il-gżejjer biex hekk ikunu indirizzati wkoll il-problemi komuni li hemm.

Il-Ministru Brincat qal li matul din is-sena ta’ laqgħat fl-ogħla livelli dwar l-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima, il-gżejjer żgħar għandhom jagħmlu minn kollox biex juru l-vulnerabilità tagħhom għat-tibdil fil-klima bl-impatt li jista’ jġib miegħu bħall-faqar u d-diżastri naturali, minbarra t-tnaqqis fil-popolazzjoni, it-telf ta’ kulturi tradizzjonali u l-effett negattiv ta’ speċi invażivi.

Il-grupp dinji ta’ parks bijosferiċi mal-kosta u fuq il-gżejjer kien iffurmat tliet snin ilu, bl-uffiċċju fil-Korea jikkonċentra fuq kwistjonijiet ta’ tibdil fil-klima, u dak ta’ Menorca, fi Spanja, fuq l-iżvilupp sostenibbli. Hemm rappreżentati 20 gżira u riżervi biosferiċi mal-kosta minn madwar id-dinja u l-grupp għadu lest jilqa’ fi ħdanu l-gżejjer u r-riservi kollha li jixtiequ jingħaqdu miegħu.

Il-Ministru Brincat aċċenna l-fatt li waqt li ż-żoni jintgħażlu mill-gvernijiet konċernati u jibqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-istati fejn jinsabu, hemm rikonoxximent internazzjonali tal-istatus tagħhom u għaldaqstant jiffurmaw riservi biosferiċi uniċi li jmorru lil hinn mill-kunċett nazzjonali.

Huwa semma wkoll il-ħtieġa li fiż-żewġ naħat tal-Mediterran ikun hemm tisħib kulturali u naturali permezz ta’ taħriġ u riċerka dwar kwistjonijiet ambjentali u soċjali bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li għadhom qed jiżviluppaw għall-ħolqien ta’ aktar programmi flimkien b’risq ir-riservi biosferiċi tagħhom.

More in Politika