Ix-xogħol fuq il-bini ta’ kċina ġdida għadu ma bediex

L-għeluq tal-kċina tar-residenza San Vinċenz...

Hekk kif għaddew aktar minn sitt xhur minn meta s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ħabbret li l-Gvern se jagħlaq il-kċina fir-Residenza San Vinċenz de Paul u jibni waħda ġdida, jidher li x-xogħol għadu ma bediex hekk kif il-MEPA għadha ma ħarġitx il-permessi meħtieġa.

Il-kċina ta’ San Vinċenz kienet ingħalqet wara li ġiet iċċertifikata li għandha livell taħt il-livell meħtieġ tant li Caruana kienet sostniet li l-kċina ma toffrix livelli tajbin ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema. Anke r-Rapport tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kien jgħid li l-kċina hija ta’ Grad F u li hemm 61.30% fattur ta’ riskju.

Is-Segretarju Parlamentari kienet qalet li fid-dawl ta’ dan ir-rapport ittieħdet id-deċiżjoni li tingħalaq il-kċina eżistenti u tinbena kċina waħda kompletament ġdida.

Intant mitluba tikkummenta minn din il-gazzetta dwar id-dewmien biex jinbeda x-xogħol fuq il-kċina l-ġdida, Caruana qalet li sa mill-ewwel ġurnata li ngħalqet il-kċina beda x-xogħol biex ikun hemm waħda ġdida.

“Permezz ta’ diversi esperti ġie mħejji l-pjan mhux biss biex ir-residenza tgawdi minn binja ġdida imma wkoll biex fil-kċina jkollna l-faċilitajiet kollha ta’ kċina moderna state of the art u li taqdi l-bżonnijiet tar-Residenza San Vinċenz de Paul.”

Is-Segretarju Parlamentari qalet li f'dan il-pjan ġew ikkunsidrati mhux biss esiġenzi arkitettoniċi imma wkoll il-kunsiderazzjonijiet kollha relatati mal-istandards applikabbli għall-kċejjen industrijali f'kuntest ma’ San Vinċenz de Paul innifsu. “Il-pjanijiet tlestew u ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar u bħalissa qed tiġi pproċessata l-applikazzjoni.”

Żiedet tgħid li waqt li għaddej dan ix-xogħol, is-segretarjat  tagħha ħadem fuq it-tender il-ġdid u l-abbozz intbagħat għand id-Dipartiment tal-kuntratti biex jgħaddi mill-għarbiel tad-dipartimenti u eventwalment jiġi ipproċessat u ppubblikat.

“Sakemm għaddej dan kollu bqajna għaddejjin biex intejbu s-servizz tal-ikel għar-residenti tagħna. Il-kuntrattur baqa’ jaħdem fuq il-menu li kien hemm qabel li ġie mfassal mill-esperti ta' San Vinċenz de Paul. Ġie mwaqqaf tim apposta biex nassiguraw il-kwalità tas-servizz fejn ikollna rapport kuljum dwar l-ikel li qed jiġi servut. Introduċejna wkoll sistema ġdida u moderna ta’ trolleys elettroniċi biex l-ikel fis-swali jinżamm fit-temperaturi addattati u jiġi ppreżentat lir-residenti b'mod iktar attreanti.”

Caruana temmet tgħid li appena jitlestew il-proċeduri mal-Awtorità tal-Ippjanar u tendering, li ma jiddependux mis-segretarjat tagħha, il-proġett jibda u jitlesta fi żmien stipulat biex b’hekk jitwettaq proġett ieħor ġdid ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul li jixraq lir-residenti.

More in Politika