Bħal ċuċ!

Il-poplu qed jgħid lill-politiċi – ‘Ieqfu trattawna ta’ tfal!

Is-soċjetà post-politika għat-tmiem tat-Thatcheriżmu
Is-soċjetà post-politika għat-tmiem tat-Thatcheriżmu

Min bħali xi ftit jew wisq iffissat f’dak kollu li jkun qed jiġri madwaru, fejn minn sbieħ Alla sa ma’ jidlam (u anke wara) jkun moħħu fil-ġrajjiet kurrenti li jkunu qed iseħħu, naħseb jinnota kif ninnota jien li kull darba li jinħatar mexxej ġdid ta’ partit, erħilu li l-ewwel erba’ kelmiet li jingħadu jkunu, “Ħa nagħmlu politika ġdida”!

U jien, mhux għax ċuċ, imma nemminhom u nittama li vera fl-aħħar, ħa jkollna kap li jagħmel il-politika b’mod differenti, fejn flok boxing, ikollna argumenti razzjonali bit-tama li l-eżempju jkaxkar u b’dan il-mod anke l-partit avversarju jaddatta ruħu għal dan l-istil.

Imma nispiċċa noħroġ xi ftit jew wisq diżappuntat speċjalment meta xi wieħed jew ieħor mill-mexxejja jkollhom daharhom mal-ħajt. X’ħasra hux?
Però jien nibqa’ nittama u għalkemm ma nqisnix fost l-aktar persuni pożittivi fuq wiċċ din il-Gżira, fejn tidħol il-politika, nagħmel hafna allowances.

Dan li assistejna għalih f’dawn l-aħħar ġimgħat, ħareg fid-dawl kemm għad għandna politika tal-konfront, tad-daqqiet ta’ ponn – ‘jab’ inti u ‘left-right’ jien… Xi dwejjaq hux. Diġà kienet sitwazzjoni tat-tqalligħ aħseb u ara meta fil-borma jintefgħu aktar ingredjenti morri.

Jidher li meta jiftlilna, ninsew li l-politika qiegħda hemm mhux biex isservi lil min għandu l-poter jew biex il-leader joħroġ trijunfanti (“Taf x’damdima tah hux?” jew “Taf kif mesaħ l-art bih!” jew “taf x’diskors għamel!”) imma biex nassiguraw li l-Istat tagħna, in-Nazzjon tagħna, coè l-festa li qegħdin niċċelebraw f’dan it-tmiem il-ġimgħa, jkun salvagwardjat, fejn iċ-ċittadin ikollu aktar kontroll, fejn min qed imexxi ikun umli u lest biex iservi, biex jisma’, biex jaġixxi u jiddeċiedi.

Ħa ngħidha, mhux il-politiċi kollha hekk, altru. Għandna ħafna politiċi li jixtiequ jkunu differenti, jixtiequ ma jintefgħux fl-arena kull darba li jkun hemm battibekk. Jixtiequ li jiffukaw fir-rwol rispettiv tagħhom, kif jistgħu jagħmlu l-pajjiż aħjar, bi strutturi aktar b’saħħithom, b’attitudni tajba li tassigura li min qiegħed ibati, ħa jingħata ‘a new lease of life’, opportunità ġdida biex ikun aħjar, iħossu aħjar.

Xi wħud nistħajjilhom jgħidu li qed noħlom, qed nittama fl-impossibbli, li l-unika mod kif tista’ ssir il-politika huwa b’dan il-mod u f’dan il-format. Jien ngħid li le.

Min jitkellem man-nies, jirrealizza li ċ-ċittadini mhux astinenza politika jridu imma dibattitu, argument, kwistjonijiet li mbagħad fil-pjazzez, fil-ħwienet tal-kafè, ġol-awli tal-Univeristà, fl-uffiċini jkun hemm dan l-inkontru ta’ ħsibijiet.

Li noqogħdu nsawtu lil xulxin b’dak li ġara illum jew snin ilu jista’ jkun joħroġ xi politiku t’eroj imma finalment, ma jagħmilx ġid u mhux hekk biss, ma jmexxina xejn ’il quddiem.

Ma ninsewx li dan il-pajjiż ma jitmexxiex biss mill-Gvern imma anke mill-Oppożizzjoni u mill-ħafna istituzzjonijiet oħra u fil-mument jew aħjar f’dawk il-mumenti fejn inkunu qed nagħtu lil xulxin taħt il-mejda ħa jasal ħin fejn ħa nolqtu s-sieq tal-medja u ħa naqilbu li hemm fuqha.

Is-soċjetà post-politika, jiġifieri dak il-fenomenu li ġie b’riżultat tat-tibdil li sar madwarna, mill-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin għall-waqgħa tat-Thatcheriżmu, mill-kollass tal-Kommuniżmu għall-flaġell li sar fit-Tanġentopoli kollha kellhom marka fejn il-poplu kien qed jgħid lill-politiċi – IEQFU TRATTAWNA TA’ TFAL. Din għandha tkun lezzjoni għalina wkoll.

Spiċċa ż-żmien ta’ politika ggwidata mill-ideoloġiji, minn xi ħsieb politiku mitt mil ’il bogħod minna. Spiċċa ż-żmien meta l-Istat u l-partiti jittrattawna qisna mzazen fejn ma nafux x’inhu tajjeb għalina u fejn il-libsa jkollha tifsila waħda.

Altru minn hekk. Aħna għandna sehem konkret ta’ kif is-socjetà tagħna trid timxi ’l quddiem. Aħna nafu x’inhu tajjeb għalina u fejn irridu mmorru. Aħna rridu naħdmu, rridu niddevertu, rridu nsibu wens meta l-affarijiet ma jiġux tajjeb, irridu ngħixu flimkien – u l-politiku qiegħed hemm biex mhux jinħela fil-vojtaġni, fid-diskorsi b’messaġġi moħbija, fejn il-ħsieb ikun li nagħtu xi diksata wieħed lill-ieħor, imma l-politiku qiegħed hemm biex widnejh isiru daqs t’iljunfant, fejn jisma’ ħafna u jitkellem ftit u jaħdem qatigħ. Fejn l-azzjoni titkellem u d-diskors li jagħmel ‘jispjega’ l-fatt.

Irridu jkollna politiċi li kapaċi jifhmu li għemilhom qiegħed taħt skrutinju, li dak li jagħmlu llum irid jiġi mkejjel mill-poplu. Irridu politiċi li għandhom passjoni għall-ġid komuni u dak tal-individwi bi storja unika. U l-poplu jrid jesiġih dan.

Irid jitkellem, irid jieħu azzjoni u jekk hemm bżonn, jagħmel kif għamel dak is-sinjur ġewwa l-Belt u jaqbad il-pala. Tkunx il-pala jew il-Facebook jew it-telefon fuq ir-radju jew l-SMS jew il-kitba, għandna nwasslu leħinna. U l-poplu huwa fid-dmir li jgħid x’qed idejqu u jitkellem fuq dak li għalih mhux aċċettabbli. Għax aħna ċ-ċittadini, aħna s-sidien tal-komunitajiet tagħna.

Dr Andrew Azzopardi jippreżenta l-programm ‘Għandi xi Ngħid’ u huwa lettur fl-Università ta’ Malta

More in Politika