Meta ssarraf id-djalogu soċjali

Hija tal-mistħija li bħalissa l-UĦM kellha tirrikorri għall-qorti kostituzzjonali f’kawża kontra l-gvern

Il-President waqt iż-żjara tagħha lill-UĦM
Il-President waqt iż-żjara tagħha lill-UĦM

Nhar il-Ġimgħa li għadda, l-Eċċellenza Tagħha l-President tar-Repubblika għamlet żjara fil-kwartieri ġenerali tal-UĦM.

Huwa ta’ unur għalina li l-President iltaqgħet mal-ħaddiema tal-UĦM li ta’ kuljum jagħmlu ħilithom sabiex jagħtu servizz fil-qasam trejdjunjonistiku. Il-President hija persuna midħla sewwa ta’ dan il-kamp u tapprezza l-valur tiegħu anke għaliex għandha għal qalbha l-aspett soċjali.

Dan kollu joħroġ mit-twaqqif tal-Forum tal-President li ġie mwaqqaf sabiex jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn it-trejdjunjins u jiġu identifikati dawk il-kwistjonijiet komuni bejn il-unjins ħalli permezz ta’ din il-pjattaforma wieħed ikun jista’ jiddiskuti sabiex eventwalment jindirizza fuq livell nazzjonali.

U x’nindirizzaw għandna!

Tribunal Industrijali Effettiv

Hija tal-mistħija li bħalissa l-UĦM kellha tirrikorri għall-qorti kostituzzjonali f’kawża kontra l-gvern wara li l-UĦM fetħet kawżi ġewwa l-istess tribunal erba’ snin ilu u li dawn għalkemm instemgħu baqgħu mingħajr deċiżjoni. Iżda wieħed jistenna li kawża fit-tribunal industrijali tinstema’ u tinqata’ f’erba’ xhur u mhux jgħaddu erba’ snin u għadna mingħajr sentenza. Inwiegħed lill-ħaddiema kemm tal-MET officers ġewwa l-Malta International Airport u kemm il-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali li l-UĦM se tibqa’ ssostni l-kawża tagħhom u tfittex ir-rimedji.

Proċess ta’ Rikonoxximent

Dan il-proċess huwa wieħed ikkaratterizzat minn tilwim bejn il-unjins fejn partijiet opposti jgħidu li jgawdu l-maġġoranza sempliċi. Ġeneralment huwa proċess li fil-prattika nħalluh f’idejn id-direttur tax-xogħol u joħroġ kif joħroġ ir-riżultat dejjem dan tal-aħħar jispiċċa b’xi ħadd iħarislu biċ-ċiera. Iżda dan il-proċess ma baqax ovvju meta mess lill-UĦM titlob li ssir il-verifika għar-rikonoxximent tax-xufiera tal-Malta Public Transport. F’daqqa waħda l-proċess ħadu f’idejh il-ministru li għalkemm il-liġi ma tgħid xejn f’dan ir-rigward, il-prattika dejjem uriet mod ieħor u ġeneralment mhux biss il-politikanti iżda anke l-maniġment f’azjendi privati jħallu dan il-proċess ta’ verifikazzjoni f’idejn id-direttur tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali.

Illum għandna sitwazzjoni fejn il-gvern ma tax iċ-ċans mixtieq mix-xufiera tal-Malta Public Transport li jiġu rikonoxxuti f’unjin tal-għażla tagħhom. U l-UĦM ħadet il-każ quddiem it-tribunal industrijali li m’għandniex xi ngħidu b’effiċjenza liema bħala kellu l-ewwel seduta nhar il-Erbgħa li għadda li ġiet postposta għal Jannar. Viva d-djalogu soċjali u d-demokrazija! Imma x-xufiera moħħ għandhom u matul dawn ix-xhur iktar kibret l-għaqda tagħhom fi ħdan il-UĦM. U din l-unjin se tkompli tiġġieled sabiex id-dritt tagħhom isarrfuh.

Nindirizzaw il-prekarjat eżistenti

Fl-ewwel diskors tiegħi meta lħaqt Segretarju Ġenerali rrikonoxxejt li l-prekarjat jeżisti għaliex bħala segretarju tat-taqsima ltqajt miegħu u bil-ħila tiegħi kollha ġġilidtlu u waqaftlu sabiex ma nħallihx jgħolli rasu fl-entitajiet pubbliċi.

F’dan il-baġit il-gvern aċċetta proposta tal-GWU sabiex jindirizza l-prekarjat. Hekk għandu jkun u tajjeb. Iż-żewġ unjins dejjem qablu fuq dan is-suġġett. Iżda nixtieq infakkar lill-gvern li s-sena l-oħra l-UĦM tagħtu proposta fuq il-prekarjat permezz tal-koperattivi soċjali, li l-gvern aċċetta iżda li s’issa m’għamel xejn sabiex inwettquha. Tajjeb li nifhmu li ma teżistix soluzzjoni waħda għall-prekarjat. Il-GWU qed tiggarantixxi li l-ħaddiema li llum jistgħu jkunu f’prekarjat u li qed joffru servizz lill-gvern, allura l-paga tagħhom tiġi marbuta ma’ dik ta’ ħaddiem tal-gvern fl-istess xogħol fl-ewwel tarġa. Waqt li dan huwa pass tajjeb, il-UĦM ħarġet bi proposta fejn tħeġġeġ lin-nies fil-prekarjat sabiex ikunu huma stess li jorganizzaw irwieħhom f’koperattivi soċjali u joffru s-servizz. Dan il-kunċett hawn Malta għadu ma ġiex żviluppat iżda barra minn Malta qabad u qabad sew. Fejn anke l-Unjoni Ewropea tagħti l-fakultà li ssir diskriminazzjoni pożittiva favur dawn it-tip ta’ koperattivi meta jipparteċipaw f’tenders pubbliċi. Il-UĦM se tkompli timbotta sabiex tara li jasal il-mument li tiġi varata din il-proposta għaliex nemmnu li hija proposta tajba daqs taċ-Child Centres b’xejn, tat-Tapering tal-benefiċċji soċjali, tal-għajnuna lis-single parent, il-Jobs+ li kollha jafu lill-UĦM bħala ommhom.

Il-prekarjat li għadu ħa jinbet

Tajjeb li jkollna soluzzjonijiet għall-prekarjat li qiegħed magħna, iżda tajjeb ukoll li naraw li dan il-prekarjat ma jibqax jinbet. Il-prekarjat jgħolli rasu fejn min iħaddem u min jaħdem ma jagħmlux parti minn imsieħeb soċjali. Fil-fatt wieħed jara korrelazzjoni bejn il-proċess ta’ djalogu soċjali, is-sħubija fil-unjins ta’ min iħaddem jew jaħdem u l-prekarjat. Inqas is-sħubija inqas is-saħħa tad-djalogu soċjali u ikbar il-prekarjat.

Jiena ġenwinament qatt ma fhimt kif nippermettu lil dawk li jimpjegaw ma jkunux parti minn organizzazzjoni ta’ min iħaddem u l-ħaddiema li ma jkunux parti minn unjin. Ħafna jgħidu li d-demokrazija titlob li tħalli lil kulħadd liberu fl-għażla, min irid jissieħeb u min irid le. Jiena nistaqsi kif l-istess libertà ma nagħtuhiex ukoll lill-individwi meta jiġu sabiex jagħmlu l-assigurazzjoni tal-karozzi?

Forsi l-libertà mhux libertinaġġ, forsi għaliex id-demokrazija titlob li tinżamm l-ordni ċivika għaliex tifhem li t-tort se jinqala’ dejjem u tajjeb li min iġarrbu jkun żgurat li jieħu rimedju. Allura wieħed jistaqsi l-unjins mhumiex ukoll assigurazzjoni sabiex jaraw li jekk jinqala’ t-tort nindirizzawh? Forsi li toħroġ fit-triq importanti li jkun hemm liġi li tgħid li tagħmel assigurazzjoni iżda li toħroġ fid-dinja tax-xogħol mhux importanti jekk tkunx assigurat jew le.

L-Unjoni Ewropea tinvesti miljuni fid-djalogu soċjali u dejjem irrikonoxxietu bħala għodda prinċipali sabiex jinżamm il-bilanċ bejn il-ħaddiem u min iħaddem. F’pajjiżna nagħmlu sigħat sħaħ niddiskutu ġewwa l-MCESD b’rispett lejn id-djalogu soċjali. Iżda mbagħad ngħidu li sabiex inkunu demokratiċi rridu nagħtu l-għazla tal-opt-out mill-proċess tad-djalogu soċjali.

Però lil dawk li aħna ma nirrappreżentawx irridu nsibulhom soluzzjoni madwar il-mejda tal-MCESD li magħmula minn rappreżentanti ta’ dawk li għoġobhom ikunu membri ta’ unjin ta’ min jimpjega jew tal-ħaddiema!

Għalissa se nħallikom iżda niżgurakom li fil-Forum tal-President għandna qatigħ x’niddiskutu.

Josef Vella huwa s-Segretarju Ġenerali tal-UĦM

More in Politika