Editorjal | Galdes fi triqtu għal barra?

Il-Prim jagħmel ħażin jiddefendi lil Galdes. 

 Roderick Galdes, il-Ministru responsabbli mill-Housing, argumenta matul dawn l-aħħar ġranet li mhux affari tagħna xi proprjetà għandu. Galdes mingħalih għandu xi argument validu għax parti mill-proprjetà qiegħda fuq isem il-mara. L-assi tal-mara huma assi tiegħu u bħala politiku kellu jkun konxju x’qed jagħmel. Hemm xi ħaġa tinten hawn. Impossibbli li Galdes għamel daqshekk flus.  

Kull min jgħix f’din il-gzira jaf x’inhuma l-prezzijiet tal-bini. 

Ovvjament, Galdes u min għadu jittollerah, jaf li qed jgħix f’dinja parallela. Min illum qed jipproteġi lil Galdes qed jagħmel hekk għal raġuni waħda biss biex ma jagħtix sodisfazzjon u pjaċir lil Jason Azzopardi, l-avukat u eks deputat Nazzjonalista u attivist tal-grupp Repubblika.  

Galdes qatt ma seta’ għamel daqstant flus u xtara daqstant proprjetà bil-paga ta’ ministru. Qabel ma sar ministru kien impjegat fil-Planning Authority fejn ħadem bħala case officer. Galdes għandu jispjega imma fil-frattemp għandu jew jitlaq jew jirriżenja, u jekk ma jirriżenjax għandu jitkeċċa mill-Prim Ministru Robert Abela. 

Robert Abela jaf li Galdes m’għandu l-ebda valur għall PL, sewwa elettoralment, kif ukoll politikament. Huwa nonentità u b’dak li għamel niżel aktar ’l isfel. Galdes huwa persuna mingħajr kulur u kontenut. Politiku vojt li ma jispirax. Floku hemm reġiment nies lesti jeħdulu postu. Nies aktar denji u kapaċi jirrappreżentaw il-kostitwenza fejn joħroġ. 

Il-Prim jagħmel ħażin jiddefendi lil Galdes. 

Minn quddiem insibu lil Jason Azzopardi jattakka lil Galdes, l-ikbar ipokrita li qatt rajna. Persuna ossessjonat. Persuna li qed jakkuża lil Galdes li ħeba d-dikjarazzjonijiet meta hu (Azzopardi) ħeba d-dikjarazzjonijiet personali bankarji mill-eks mara tiegħu meta kien fil-Parlament u ma wriex lil martu bil-mijiet ta’ eluf li kellu fil-kontijiet bankarji. Dawn id-dettalji huma f’idejn din il-gazzetta. 

Imma fuq kollox Azzopardi għandu l-faħam miblul. Nesa Azzopardi bl-inkjesta maġisterjali dwar allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu dwar artijiet f’Raħal Ġdid quddiem il-Maġistrat Monica Vella dwar episodji meta kien responsabbli mil-Lands. 

Jekk Azzopardi nesa, aħna ma nsejniex. U hawnhekk ukoll għandna d-dettalji kollha. 

Il-ħasra hi li l-futur ta’ Galdes mhux tenibbli daqskemm mhux tenibbli t-titubar tal-Prim Ministru dwar il-problema ta’ etika politika fil-konfront ta’ Ministru fil-kabinett. Id-deċiżjoni ta’ Abela m’għandhiex tkun determinata għax il-kritika ġejja minn persuna miskina bħal Jason Azzopardi. 

Il-Prim Ministru għandu jaġixxi irrispettivament. 

U minn Alex Borg, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, għandna nistennew aktar determinazzjoni biex il-ġlidiet politiċi jsiru minnu u mhux minn persuna skifuża bħal Jason Azzopardi, li bħal Galdes huwa skreditat u skadut. 

 

  

More in Politika