Iż-żigg u l-verġinità

Dibattitu dwar il-lingwaġġ mill-politiċi

Kienet ġimgħa kkulurita fejn rajna lingwaġġ imżewwaq u wħud iddeskrivewha bħala ġimgħa ta’ laxkezza fl-ilsna tal-politiċi tagħna. Hija tassew laxkezza jew inkella qed inkunu dojoq u ma naċċettawx ċertu lingwaġġ?

Nhar it-Tnejn li għadda fil-programm ta’ kull ġimgħa, Reporter, li jixxandar fuq TVM fl-21.55, kien hemm dibattitu jaħraq bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

F’dan il-programm Muscat ġie mistoqsi minn Saviour Balzan –

Balzan - “Int ma tħossx li wasal iż-żmien li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ responsabbiltà politika, il-mod kif naġixxu għal etika politika, għandna bżonn realistikament we react to it? kif jgħidu l-Ingliżi.

Muscat - “Li kieku kien hawn il-gvern l-ieħor, ta’ qabel, kien jaqbad u biċċa xogħol bħal din jixkupaha taħt it-tapit…”

Busuttil – “Waqajna koppi erġajna…”

Muscat – “…kif xkupa taħt it-tapit…”

Busuttil – “…erfa’ r-responsabbiltà…”

Muscat – “Jimporta?” u waqt li indirizza lil Busuttil kompla “fi żmien il-Gvern tiegħek inqatlet persuna”

Busuttil – “Jien ma kontx parti mill-Gvern”

Muscat – “M’intiex żigg parti mill-gvern, u mur ’l hemm”

Uħud interpretawha bħala Prim Ministru b’karattru tal-o***a
Uħud interpretawha bħala Prim Ministru b’karattru tal-o***a

Dik “iż-żigg” qajmet diversi reazzjonijiet fuq il-mezzi soċjali. Uħud interpretawha bħala Prim Ministru b’karattru tal-o***a waqt li oħrajn qalu li dan hu lingwaġġ li m’għandux jintuża mill-politiċi.

Il-video li juri din il-konverżazzjoni diġà jinsab fuq Youtube u rawh ’l fuq minn 13,000 persuna. Ġiet ukoll maħluqa paġna fuq Facebook bl-isem ‘M’intix żigg’ taħt il-kategorija ta’ kummidjanti, fejn għandha madwar 1,000 like.

Eżatt ġurnata qabel, il-Ħadd 30 ta’ Novembru, waqt attività politika Laburista fil-Każin Laburista f’Birkirkara, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-xogħol Evarist Bartolo tkellem dwar il-partit Nazzjonalista bħala persuna li qed tipprova terġa’ tikseb il-verġinità.

Kliemu kien “Immaġinaw persuna li għamlet 25 sena taħdem f’burdell, tmexxi burdell, u wara se tmur tagħmel operazzjoni biex tirkupra l-verġinità tagħha… […] u terġa’ lura verġni… u hekk allura int tkun tista’, meta tmur mas-sieħeb tiegħek, tqarraq bih u tgħidlu li għadek ġdida fjamanta, sintendi ma tkunx hekk… bħalissa hawn min qed jagħmel din l-operazzjoni f’pajjiżna.”

Wara dan il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li dan kien kliem “vulgari u sessista” u qalet li kliemu kien “insult għan-nisa kollha.”

Iżda x’qed jiġri eżatt mil-lingwaġġ li qed jintuża fil-politika Maltija? Għandhom jintużaw referenzi ta’ dan it-tip minn Ministri? Jew qed inkunu dojoq? Dawn huma tabùs? Jew huma sempliċiment lingwaġġ li jiġi ntużat fil-ħajja ta’ kuljum u ma fiha xejn ħażin li jużawhom ukoll il-mexxejja tal-pajjiż.

Lura għaż-żigg, fl-aħħar mill-aħħar mhijiex kelma vulgari. Hija dik li bl-Ingliż jissejħu ‘minced oaths’ dan jiġifieri meta kelma oxxena ddawrilha ftit mill-konsonanti biex ma tinstemax daqshekk kerha.

Bħalma l-Ingliżi jgħidu ‘oh my gosh’ flok ‘oh my God’ jew ‘what the heck’ minflok ‘what the hell’, il-Maltin għandhom dawn il-kelmiet ukoll.

Il-Malti juża

Il-qaħbeċ – flok il-qaħba

Il-allu – flok il-Alla

Il-madonfi – flok il-Madonna

Il-ostra / il-istra / il-istja – flok il-ostja

Iż-żigg – flok iż-żobb

Wasal iż-żmien li nieqfu ninħbew wara subgħajna u naċċettaw dawn il-kliem bħala parti mill-vokabolarju ta’ kuljum, li jintuża minn kulħadd u li wara kollox ma fih xejn ħażin jekk jintuża minn membru politiku?

Paġna fuq Facebook bl-isem ‘M’intix żigg’ taħt il-kategorija ta’ kummidjanti u għandha madwar 1,000 like
Paġna fuq Facebook bl-isem ‘M’intix żigg’ taħt il-kategorija ta’ kummidjanti u għandha madwar 1,000 like

More in Politika