Simonds Farsons Cisk p.l.c. irrapportat riżultati pożittivi għas-sitt xhur li għalqu fil-31 ta’ Lulju 2026, bis-saħħa tat-tkabbir fl-operati ewlenin tagħha tax-xorb, it-titjib fil-prestazzjoni operattiva u d-domanda qawwija mill-konsumaturi.
Id-dħul żdied b’7% għal €58.4 miljun, filwaqt li l-profitt gross tela’ b’9%. Il-profitt qabel it-taxxa mill-operat kontinwu kiber b’14%, minkejja suq kompetittiv ħafna, kundizzjonijiet tat-temp inqas favorevoli fil-bidu tal-perjodu, u pressjoni kontinwa fuq l-ispejjeż tax-xogħol u tal-operat.
Il-Grupp irreġistra profitt wara t-taxxa ta’ €6.8 miljun għal dan il-perjodu ta’ sitt xhur. Dan ir-riżultat jirrifletti taxxa ogħla u n-nuqqas tal-kontribut li qabel kien iġġenerat min-negozju tal-ikel wara s-separazzjoni tiegħu mill-Grupp. Is-saħħa tal-operati ewlenin tax-xorb kienet evidenti miż-żieda ta’ 14% fil-profitt qabel it-taxxa mill-operati kontinwi.
Il-Bord tad-Diretturi ddikjara dividend interim fi flus ta’ 7 ċenteżmi għal kull sehem ordinarju, li hija żieda minn 6.5 ċenteżmi tas-sena ta’ qabel, dan biex jirrifletti l-prestazzjoni tal-Grupp u l-fiduċja tiegħu fil-prospetti futuri. Id-dividend jirrappreżenta distribuzzjoni totali ta’ €2.52 miljun u se jitħallas minn profitti eżenti mit-taxxa.
Is-Sur Louis A. Farrugia, Chairman tal-Grupp, qal li: “iż-żieda fid-dividend interim tirrifletti l-progress miksub matul l-ewwel nofs tas-sena u l-impenn tal-Bord li jkompli joħloq il-valur għall-azzjonisti. L-istruttura tan-negozju tagħna, li issa hi aktar iffukata, il-portafoll b’saħħtu tal-brands, u l-pożizzjoni finanzjarja soda li qegħdin fiha jipprovdu bażi b’saħħitha għal tkabbir sostenibbli.”
Ir-riżultati jkopru l-ewwel perjodu sħiħ ta’ rappurtar wara s-separazzjoni tan-negozji tal-ikel u tax-xorb tal-Grupp, u jagħtu lill-investituri stampa ċara tal-prestazzjoni soda u tal-prospetti tal-attivitajiet ewlenin tax-xorb tiegħu.
Meta kkummenta dwar ir-riżultati, għall-ewwel darba minn meta ħa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv, is-Sur Michael Farrugia qal li: “it-tkabbir fid-dħul u fil-profitt tagħna juri r-reżiljenza tan-negozju u l-effettività tal-istrateġiji kummerċjali u operattivi tagħna. Aħna nibqgħu ffukati fuq it-tisħiħ tal-brands tagħna, it-titjib tas-servizz lill-klijenti tagħna, u li naċċelleraw l-investiment fil-kapaċitajiet u fl-infrastruttura li se jappoġġjaw t-tkabbir ta’ Farsons. Għad fadal ħafna xi jsir, iżda qed nidħlu fit-tieni nofs tas-sena b’direzzjoni ċara u b’enerġija konsiderevoli biex nattwaw l-aġenda ambizzjuża tagħna.”
Matul dan il-perjodu komplew l-investimenti fil-faċilità ċentrali awtomatizzata tal-loġistika tal-Grupp. Dan il-proġett ta’ importanza strateġika mistenni jtejjeb l-effiċjenza operattiva u l-użu tar-riżorsi, filwaqt li jsaħħaħ il-ġbir, l-immaniġġjar u l-irkupru tal-fliexken u l-materjali tal-ippakkeġġjar li jinġabru lura. Il-faċilità għadha skedata li titlesta matul l-aħħar kwart tal-2027.