Il-Grupp Farsons illum ħabbar il-ħatra tas-Sur Michael Farrugia bħala l-Kap Eżekuttiv tiegħu, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2026, minflok is-Sur Norman Aquilina.
Il-ħatra tas-Sur Farrugia, li kienet issemmiet għall-ewwel darba f’Settembru 2025 bħala parti minn proċess ippjanat ta’ suċċessjoni fit-tmexxija, timmarka pass importanti fl-evoluzzjoni kontinwa tal-Grupp li qed joqrob lejn il-mitt sena mit-twaqqif tiegħu.
Is-Sur Farrugia għandu masters fl-Istorja Ewropea mill-Università ta’ Edinburgh u MBA mill-Warwick Business School. Minn meta ngħaqad mal-Grupp Farsons, fl-2006, kellu diversi karigi eżekuttivi għolja u rwol ewlieni fit-tfassil tal-iżvilupp strateġiku tal-Grupp, il-programmi tal-investiment u l-inizjattivi tat-trasformazzjoni tal-operat.
Fl-2011 inħatar Direttur Eżekuttiv tal-Bord tad-Diretturi u attwalment hu ċ-Chairman ta’ Farsons Beverage Imports Company Ltd u The Brewhouse Company Ltd. Qiegħed fuq il-bordijiet ta’ Trident Estates plc, Quinco Holdings plc, Multigas Ltd u Farrugia Investments Ltd, u hu wkoll Amministratur tal-Fondazzjoni Farsons.
F’din l-okkażjoni, il-Bord tad-Diretturi kkummenta li: “Din il-ħatra tirrifletti l-impenn tal-Grupp għal tranżizzjoni fit-tmexxija ppjanata u maħsuba biex tqiegħed lil Farsons f’pożizzjoni b’saħħitha għall-futur. Il-Bord fiduċjuż fid-direzzjoni strateġika tal-Grupp u fil-kapaċità kontinwa tiegħu li joħloq valur fit-tul għall-partijiet interessati kollha.”
Fl-aħħar disa’ xhur bħala Kap Eżekuttiv Assenjat, is-Sur Farrugia ħadem mill-qrib mat-tim tat-tmexxija tal-Grupp biex javvanza l-prijoritajiet strateġiċi tiegħu, b’enfasi kontinwa fuq il-bini ta’ organizzazzjoni Effiċjenti, Ħadra u Diġitali b’aktar effiċjenza, innovazzjoni u sostenibbiltà.
Fil-kumment tiegħu dwar il-ħatra, is-Sur Farrugia qal: “Huwa unur kbir għalija li ġejt fdat bit-tmexxija ta’ Farsons f’mument daqstant importanti fl-istorja tal-Grupp. Qed noqorbu lejn il-100 anniversarju tagħna, u nħares ’il quddiem biex inkompli nibni fuq il-pedamenti u l-valuri b’saħħithom li sawru lill-Grupp tul il-ġenerazzjonijiet, filwaqt li nkomplu nsaħħu n-negozju tagħna, ninvestu fin-nies u fil-marki kummerċjali tagħna, u nfittxu opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.”