Il-Gozo Teleworking Scheme: spjegata

L-iskema tat-teleworking għall-ħaddiema Għawdxin għandha l-għan ewlieni li tagħti l-appoġġ kollu meħtieġ u tinċentiva l-ħolqien tal-impjiegi f’Għawdex. Imma eżattament kif taħdem?

L-iskema tat-teleworking għall-ħaddiema Għawdxin għandha l-għan ewlieni li tagħti l-appoġġ kollu meħtieġ u tinċentiva l-ħolqien tal-impjiegi f’Għawdex. Imma eżattament kif taħdem?

Bħal ħafna affarijiet fil-ħajja, kien hemm bżonn urġenti ta’ titjib fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu ma’ kumpaniji bbażati f’Malta.

Din il-iskema tħabbret fil-Baġit 2021 bil-għan li tagħti nifs ġdid lil ħafna, għax mhux biss toffri l-opportunità lill-impjegati biex jaħdmu mid-dar, imma anke toffri lil min iħaddem għotjiet u benefiċċji attraenti.

Ir-refużjoni tal-paga

L-iskema għandha żewġ faċċati. L-ewwel u qabel kollox qed tingħata għajnuna lil min iħaddem, f’forma ta’ għotja finanzjarja b’massimu ta’ €10,000, mifruxa fuq perjodu ta’ tliet snin.

Importanti li wieħed jinnota li r-refużjoni tal-paga se tkun ibbażata kompletament fuq il-proporzjon tas-sigħat ta’ teleworking li impjegat Għawdxi se jingħata mill-impjegatur tiegħu. Fl-ewwel u t-tieni sena jistgħu jieħdu sa 30%, għal massimu ta’ €3,000 fis-sena. Fit-tielet sena, jistgħu jieħdu sa 40%, ekwivalenti għal massimu ta’ €4,000.

Apparti minn hekk, l-ewwel pagament se jingħata wara li l-ewwel sena ta’ teleworking tkun għaddiet.

L-impjegaturi u l-impjegati jridu jaqblu fuq il-ġranet u anke l-post minn fejn se jkunu qed jaħdmu meta ma jkunux l-uffiċċju u dan wara li jkun sar pjan dettaljat għal tliet snin, għal mhux aktar minn għaxar impjegati fis-sena. Għalkemm ma jfissirx li wieħed irid iżomm eżatt mal-ġranet maqbula, anke għax jistgħu jinqalgħu ċirkostanzi li wieħed ma jkunx qed jippjana għalihom, huwa kruċjali li d-differenza ma taqbiżx l-20 ġurnata kull sena.

Biex wieħed ikun eliġibbli, l-ammont minimu ta’ ġranet mogħtija għat-teleworking għandu jkun ta’ jumejn u massimu ta’ erba’.

Ir-refużjoni għall-investiment teknoloġiku u kapitali

Dan mhux kollox! L-iskema toffri wkoll refużjoni parzjali għall-investiment teknoloġiku u kapitali li jkun sar. Bażikament, din l-għajnuna tirreferi għax-xiri ta’ laptops, kompjuters u printers etċ.

B’dan il-pagament ta’ darba, li bla dubju se jgħin kemm lill-impjegaturi u anke lill-impjegati, jista’ jlaħħaq refużjoni sa 75% tal-investiment, jiġifieri sa massimu ta’ €850.

Xi jfisser teleworking?

Essenzjalment, apparti xi termini u kundizzjonijiet, l-iskema tisħaq li teleworking se jkun ikkunsidrat biss meta l-impjegati se jitħallew jagħmlu ċertu xogħol mid-dar u li normalment, l-istess xogħol, isir fl-uffiċċju. 

L-iskema toffri lill-impjegati Għawdxin il-faċilità li jaħdmu mid-dar, l-opportunità li jsibu aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom, filwaqt li żżomm l-istess livelli ta’ prestazzjoni. Tippermetti wkoll aktar flessibbilità. Permezz ta’ din l-iskema, l-impjegati qed ikunu mħeġġa biex jużaw il-ħin, li normalment iqattgħuh jivjaġġaw, biex iżidu l-produttività tagħhom.

Mill-banda l-oħra, l-iskema se tgħin lill-impjegaturi biex jipprovdu lill-impjegati tagħhom l-għodod kollha neċessarji, mhux biss biex jaqdu dmirhom u jagħmlu x-xogħol tagħhom, imma anke biex imorru lilhinn minn dak mistenni minnhom.

Ir-responsabbilità għall-monitoraġġ, l-immaniġjar u l-implimentazzjoni ta’ din l-iskema huwa kollha fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

L-applikazzjoni għandhom jidħlu kollha sal-aħħar ta’ Novembru 2023 u l-ingaġġ għandu jseħħ kollu sal-istess data. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.

Għal aktar informazzjoni dwar il- Gozo Teleworking Scheme, għafas hawn

More in Kummer?jali