Skont ir-Rapport Annwali tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji għall-2024, numru rekord ta’ 251 każ ġew sottomessi lill-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji f’din l-istess sena, u b’hekk kompla x-xejra ‘il fuq li kien beda fl-aħħar sentejn.
Fost is-setturi ewlenin tas-servizzi finanzjarji, l-akbar volum ta’ ilmenti kien relatat ma’ “Kontijiet ta’ Tfaddil/Kurrenti/Fissi” (66 ilment), segwiti minn prodotti “Marbuta mal-Assikurazzjoni fuq il-Ħajja” (60) u “Assi Finanzjarji Virtwali/Crypto” (31). Il-kwistjonijiet kienu l-iktar jirrigwardjaw “Il-Valur tal-polza mal-maturità” (56), “Amministrazzjoni ġenerali/servizz lill-klijent” (38) u “Attività irregolari suspettata ” (34).
L-Arbitru ħareġ 94 deċiżjoni finali fl-2024: 51 każ (54%) ma ġewx milqugħa, 36 każ (38%) ġew milqugħa parzjalment u seba’ każijiet (7%) ġew milqugħa fit- totalità tagħhom. L-ammonti ta’ kumpens ivarjaw, bl-ogħla wieħed irreġistrat ikun £118,295.60, għalkemm ħafna mill-kumpens kien bejn €1,000 u €5,000. Kienu biss seba’ każijiet li marru għall-appell.
Il-medjazzjoni kienet partikolarment effettiva fl-2024, bi ftehim milħuq waqt il-medjazzjoni f’aktar minn nofs (59) tal-każijiet solvuti f’dan l-istadju. Dan jirrappreżenta żieda sostanzjali mill-2023, meta dan il-ftehim kien jammonta għal madwar terz (22) ta’ każijiet simili.
Alfred Mifsud, l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, irrimarka: “Dak li hu partikolarment impressjonanti huwa l-fatt li kien hemm żieda sostanzjali fl-ilmenti li ġew solvuti mingħajr ma waslu għandi għall-ġudizzju, għax żidna r-riżorsi tas-servizzi ta’ medjazzjoni tagħna u ħafna każijiet qed jiġu solvuti permezz tal-medjazzjoni.”
Il-ħin medju mill-aċċettazzjoni sal-għeluq għal każijiet li għalihom tkun saret il-medjazzjoni kien ta’ 88.7 jum, madwar 27 jum inqas mis-sena ta’ qabel.
“Dak li hu partikolarment inkwetanti huwa ż-żieda fil-każijiet relatati ma’ frodi, u iżjed minn hekk, il-kwalità tal-frodi. Qegħdin naraw każijiet li jinvolvu ħafna ewro, forsi anke mijiet ta’ eluf ta’ ewro. Il-frodisti qed isiru aktar kreattivi; nista’ ngħid li l-frodi saret, għalihom, industrija,” osserva l-Arbitru.
Minbarra l-applikazzjoni ta’ mudell trasparenti u strutturat biex jiġu assenjati r-responsabbiltajiet f’każijiet ta’ frodi bi ħlas awtorizzat, li jiżgura li kemm il-fornitur kif ukoll il-konsumatur jiġu kkunsidrati kif xieraq, l-Arbitru ħareġ ukoll nota teknika oħra bi gwida dwar kif jiġu determinati l-ilmenti relatati ma’ frodi bbażata fuq relazzjonijiet (spiss imsejħa ‘pig butchering’).
“Wessajna l-liġi li tirregola l-operat tagħna, ovjament permezz ta’ process parlamentari, li tagħtinaudjenza usa ta’ ilmenti li nistgħu nisimgħu u nikkunsidraw. Bil-provvedimenti ġodda tal-liġi, li jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Ottubru 2025, l-Arbitru jkun jista’ jisma’ ukoll ilmenti minn, pereżempju, klijenti kummerċjali, meta qabel il-liġi kienet tillimita l-ġurisdizzjoni tagħna għal konsumaturi personali jew mikrointrapriżi żgħar
ħafna,” żied jgħid Mifsud.
L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji kien attivament involut mal-pubbliku permezz ta’ diversi kampanji ta’ għarfien iffukati fuq frodi ta’ ħlas u prodotti u servizzi finanzjarji oħra rilevanti. Minbarra li joħroġ newsletter kull tlett xhur, l-Uffiċċju huwa attiv fuq il-midja soċjali kull nhar ta’ Ġimgħa. Fuq LinkedIn, jiġi ppubblikat sommarju ta’ deċiżjoni tal-Arbitru, filwaqt li ‘tagħlimiet għall-konsumaturi’ meħuda minn dawn id-deċiżjonijiet jiġu ppubblikati fuq Facebook kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
Ir-Rapport Annwali 2024 huwa disponibbli mis-sit elettroniku tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji: www.arbitrufinanzjarju.org.mt.