Neil Agius jgħum ir-rotta storika ta' Toni Bajada u jagħti l-beritta

Neil Agius qasam b’suċċess il-Port il-Kbir fuq ir-rotta attribwita lil Toni Bajada waqt l-Assedju l-Kbir u mbagħad ta l-beritta tal-għawm li libes meta kiser rekord dinji lil Heritage Malta, biex issa tifforma parti mill-kollezzjoni nazzjonali

L-għawwiem Neil Agius, Olimpiku magħruf għal sfidi ta’ reżistenza estrema, qasam b’suċċess il-Port il-Kbir, fejn segwa l-istess rotta attribwita lill-eroj tal-Assedju l-Kbir, Toni Bajada. Wara, huwa ta l-beritta tal-għawm tiegħu lil Heritage Malta biex issir parti mill-kollezzjoni nazzjonali.

Agius beda l-għawma minn taħt is-swar setgħana tal-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu, u ssokta fi triqtu ’l fuq lejn il-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta. Akkumpanjat minn dgħajsa ta’ Transport Malta għas-sigurtà matul il-vjaġġ kollu, huwa ħa nofs siegħa biex wasal in-naħa l-oħra.

Aktar minn 460 sena ilu, dan l-istess baħar kien joffri sfida differenti għalkollox. Toni Bajada, Naxxari li jingħad li tgħallem it-Tork waqt li kien miżmum priġunier mill-Ottomani, kien fost dawk magħżula personalment mill-Gran Mastru Jean de Valette biex jinfiltraw il-linji tal-għadu, flimkien ma’ erba’ spiji Maltin oħra.

Skont stejjer lokali, Bajada b’kuraġġ kbir għam tul din ir-rotta fis-satra tal-lejl, sabiex wassal tagħrif vitali. Fost l-aktar rakkonti magħrufa nsibu dak ta’ meta offra ruħu biex iwassal ittra urġenti mingħand il-Gran Mastru de Valette lid-difensuri tal-Forti Sant’Iermu, li kienu ilhom kważi xahar jissaportu attakki bla waqfien. Fl-ittra, il-Gran Mastru ħeġġiġhom biex jibqgħu jżommu l-pożizzjoni tagħhom.

Wara l-għawma kommemorattiva, Neil Agius ippreżenta formalment il-beritta tal-għawm tiegħu lil Heritage Malta. Din hija l-istess beritta li libes meta kiser ir-rekord dinji għall-itwal għawma bla waqfien, mhux assistita, f’baħar miftuħ, madwar il-Gżejjer Maltin fl-2024.

L-għotja saret quddiem il-Knisja ta’ Sant’Anna, fi Piazza d’Armi fil-Forti Sant’Iermu. F’din il-binja li tmur lura għall-bidu tas-seklu 18 jinsabu l-fdalijiet tal-kavallieri li mietu jiddefendu l-forti waqt l-Assedju l-Kbir tal-1565, kif ukoll il-memorjal tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra.

Wara l-kontrolli meħtieġa mill-konservaturi, il-beritta se tieħu postha fil-kollezzjoni nazzjonali u se tkun fost l-esebiti f’sezzjoni dwar għawwiema magħrufa Maltin fil-Mużew Marittimu ta’ Malta, ladarba jinfetaħ mill-ġdid. B’hekk, il-qlubija storika qed tintrabat ma’ kisba atletika kontemporanja.

Filwaqt li rringrazzja lil Neil Agius tal-għotja tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, saħaq li: “Din l-għawma wriet kemm jagħmel sens il-messaġġ ta’ Heritage Malta li wirtna huwa ħaj. Neil Agius ħoloq pont bejn il-passat u l-preżent u wera b’mod ċar li wirtna jibqa’ ħaj meta nsibu modi kif nagħmluh relevanti għall-ħajja tal-lum.” 

Neil Agius qal li din l-għawma ġegħlitu jaħseb dwar il-kuraġġ straordinarju ta’ Toni Bajada u dwar kemm il-baħar huwa marbut mill-qrib mal-istorja ta’ Malta. Huwa żied jgħid: “Għalija huwa privileġġ li nonora din ir-rabta u li, bil-mod tiegħi, nikkontribwixxi għall-kapitlu li jmiss tagħha. Id-donazzjoni tal-beritta tal-għawm li lbist waqt ir-rekord dinji lill-kollezzjoni nazzjonali tagħmel dan il-mument aktar speċjali. Nittama li dan ifakkar lill-viżitaturi żgħażagħ li l-istorja għadha qed tinkiteb, u li huma wkoll jistgħu jagħtu sehemhom fiha.”

Minn għada, is-Sibt 3 ta’ Ottubru, il-beritta se tkun għall-wiri fit-taqsima dwar l-Assedju l-Kbir fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Forti Sant’Iermu, li se jiftaħ b’xejn filgħaxija fl-okkażjoni tan-Notte Bianca. Il-pubbliku se jkun jista’ jaraha sal-Ġimgħa 23 ta’ Ottubru.

Il-forti u l-mużew jiftħu kuljum mid-9:00 am sas-7:00 pm, bi dħul bla ħlas għal dawk kollha li għandhom il-Passaport tal-Istudenti jew  il-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta. 

More in Kummer?jali