Il-Qarċilla – Żwieġ umoristiku la Maltija fil-Forti Sant’Anġlu

Il-farsa popolari, 'Iż-żwieġ la Maltija', ġiet aġġornata biex tirrifletti u tkun iktar adattata għaż-żmenijiet tal-lum...

Personalitajiet pubbliċi prominenti se jkunu fost il-protagonisti ewlenin tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Il-Qarċilla li se terġa’ ssir fil-Forti Sant’Anġlu minn Heritage Malta bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-Universitá ta’ Malta, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u tal-Kumitat tal-Karnival. Il-kuntratt taż-żwieġ mimli umoriżmu u mimli botti li jinqara f’Il-Qarċilla ġie aġġornat biex jirrifletti u jkun iktar adattat għaż-żmenijiet tal-lum.

Il-Qarċilla oriġinali nkitbet għall-karnival tal-1760 minn Dun Feliċ Demarco. Il-Qarċilla hija farsa bil-Malti u mitt sena ilu kienet fost l-aktar mistennija fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival li kienu jsiru fil-Belt kif ukoll f’numru ta’ rħula oħrajn. Il-protagonist ewlieni jkun raġel liebes ta’ nutar li jaqra kuntratt taż-żwieġ lill-għarajjes. Il-kuntratt, mimli satirika, umoriżmu u botti b’konnessjonijiet sesswali, jiffoka fuq l-affarijiet li l-għarus u l-għarusa jkunu jridu jagħtu lil xulxin fiż-żwieġ tagħhom.

Din il-farsa popolari, Iż-żwieġ la Maltija, ġiet aġġornata u fil-jiem tal-karnival hija fost l-attivitajiet l-aktar mistennija. Biex l-interess f’Il-Qarċilla ma jonqosx, il-kitba oriġinali ġiet adattata għaż-żmenijiet tal-lum u l-edizzjoni ta’ din is-sena tiffoka fuq cruise partikolari u personalitajiet pubbliċi prominenti.

Il-Qarċilla se ssir nhar it-Tnejn 27 ta’ Frar fis-7.00pm fil-Forti Sant’Anġlu. Il-programm jinkludi taħdita qasira minn Dr Olvin Vella dwar il-valur tal-lingwistika fil-qrieċel l-antiki, ir-rappreżentazzjoni ta’ Il-Qarċilla u riċeviment żgħir. Il-Qarċilla ta’ din is-sena nkitbet minn Immanuel Mifsud, bi produzzjoni u direzzjoni ta’ Joseph Galea.

Din l-attivitá hija għal udjenza matura ‘il fuq minn 18-il sena. Il-biljetti, bi prezz ta’ €15 u €12 għall-membri ta’ Heritage Malta, jistgħu jinxtraw mis-siti kollha ta’ Heritage Malta jew online.

More in Kummer?jali