Attakki ċibernetiċi u twissijiet fl-Ewropa: Malta preparata għal kriżi?

Minn attakki fuq supermarkets u servizzi tas-saħħa sa theddid ta’ bombi f’ajruporti u skejjel, it-tħassib dwar is-sigurtà fl-Ewropa qed jikber, filwaqt li diversi gvernijiet qed iħeġġu lill-familji jħejju provisti għal emerġenzi. 

Attakki ċibernetiċi fuq mijiet ta’ supermarkets, theddid ta’ bombi li fixkel titjiriet u skejjel, u twissijiet lill-popolazzjoni biex taħżen ikel u ilma qed ipoġġu s-sigurtà u t-tħejjija għall-emerġenzi fuq quddiem nett tal-aġenda Ewropea. 

Fl-aħħar ġimgħat, diversi pajjiżi Ewropej esperjenzaw inċidenti li wrew kemm servizzi essenzjali jistgħu jkunu vulnerabbli għal attakki diġitali u forom oħra ta’ tfixkil. Fl-istess waqt, il-gvernijiet qed jagħtu aktar importanza lill-kapaċità tal-familji li jgħaddu diversi jiem mingħajr provvisti jew servizzi regolari. 

Iżda hekk kif l-Ewropa qed tħejji ruħha għal kriżijiet differenti, tqum mistoqsija: Malta kemm hi preparata biex taffaċċja sitwazzjoni simili? 

Attakk fuq 700 supermarket fi Franza 

Wieħed mill-aktar każijiet serji seħħ fit-12 ta’ Ottubru, meta attakk ċibernetiku laqat is-sistemi ta’ refriġerazzjoni ta’ madwar 700 supermarket u stabbiliment kummerċjali fi Franza. 

L-attakkaturi rnexxielhom jikkontrollaw it-temperaturi tal-friġis u l-friżers mill-bogħod, u f’ċerti każijiet għollewhom sa 50 grad Celsius. 

Dan wassal biex kwantitajiet kbar ta’ prodotti tal-ikel kellhom jintremew, filwaqt li ġew irrappurtati wkoll nirien f’xi stabbilimenti milquta. 

Fid-9 ta’ Novembru, l-awtoritajiet Franċiżi akkużaw lill-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana li kienet responsabbli għall-attakk. Franza sejħet lill-ambaxxatur Iranjan u ħabbret li se tfittex sanzjonijiet Ewropej kontra dawk involuti. 

L-Iran ċaħad l-akkużi. 

Fil-bidu ta’ Novembru, ġew irrappurtati problemi simili fis-sistemi ta’ refriġerazzjoni ta’ supermarkets f’pajjiżi oħra, fosthom il-Belġju, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Lussemburgu u l-Estonja. 

Madankollu, għadu mhux stabbilit jekk dawn l-inċidenti kinux marbuta mal-istess attakkaturi. 

Anke s-servizzi tas-saħħa fil-mira 

It-theddid ċibernetiku ma kienx limitat għas-settur tal-ikel. 

Fi Franza, attakkaturi ppruvaw jimmanipulaw it-temperaturi f’faċilitajiet li jaħżnu prodotti tad-demm. 

Is-sistemi ta’ sigurtà ppermettew li l-attakk jiġi identifikat u mwaqqaf qabel ma l-prodotti ġew kompromessi. 

Dawn l-inċidenti qed iqajmu tħassib dwar il-konsegwenzi li attakk diġitali jista’ jkollu fuq il-ħajja ta’ kuljum. 

Attakk fuq sistema informatika jista’ jwassal mhux biss għal telf ta’ informazzjoni, iżda wkoll għal interruzzjoni fil-provista tal-ikel, fis-servizzi mediċi jew f’infrastruttura essenzjali oħra. 

Theddid ta’ bombi jfixkel titjiriet u skejjel 

It-tħassib dwar is-sigurtà Ewropea kompla jiżdied wara sensiela ta’ theddid ta’ bombi f’ajruporti, fuq titjiriet u fi skejjel. 

Fil-5 ta’ Novembru, mill-inqas 25 titjira madwar l-Ewropa ġew affettwati minn twissijiet ta’ bombi, bi wħud mill-ajruplani jkollhom jinżlu f’ajruporti differenti minn dawk ippjanati. 

Fil-11 ta’ Novembru, eluf ta’ skejjel fl-Italja, l-Irlanda u partijiet mir-Renju Unit irċevew theddid simili. 

Fl-Italja biss, madwar 6,300 grupp ta’ skejjel ġew fil-mira ta’ messaġġi ta’ theddid, u dan wassal għal evakwazzjonijiet u interventi tal-pulizija. 

Għalkemm ma nstabux bombi, l-inċidenti ħolqu tfixkil konsiderevoli. 

Xi uffiċjali Ewropej qajmu tħassib dwar il-possibbiltà ta’ kampanji ta’ destabilizzazzjoni jew gwerra ibrida. Madankollu, għad m’hemmx evidenza pubblika li tidentifika min kien responsabbli għat-theddid kollu. 

 

Gvernijiet Ewropej iħeġġu l-ħażna tal-ikel 

F’dan il-kuntest ta’ inċertezza, diversi pajjiżi Ewropej qed isaħħu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom biex iċ-ċittadini jkunu preparati għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. 

F’Marzu tal-2025, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija li tinkludi l-iżvilupp ta’ linji gwida biex il-popolazzjoni tkun tista’ tgħaddi mill-inqas 72 siegħa mingħajr assistenza esterna. 

Il-Ġermanja tirrakkomanda li l-familji, fejn possibbli, iżommu provisti ta’ ikel u xorb għal għaxart ijiem, filwaqt li tlett ijiem jitqiesu bħala punt tajjeb minn fejn wieħed jibda. 

Fl-Iżvezja, l-awtoritajiet iħeġġu lill-popolazzjoni taħżen biżżejjed ikel għal ġimgħa, b’mod partikolari prodotti li ma jeħtiġux refriġerazzjoni. 

Fil-Finlandja, il-pariri uffiċjali jinkoraġġixxu lill-familji jkunu awtosuffiċjenti għal 72 siegħa. 

Fl-Olanda wkoll, il-Gvern qed iħeġġeġ lin-nies jippreparaw kit ta’ emerġenza b’ilma, ikel li jdum ma jitħassarx, mediċini, torċa, radju bil-batteriji u flus kontanti. 

Dawn il-pariri ma jfissrux li hemm attakk imminenti. Huma maħsuba għal emerġenzi differenti, inklużi attakki ċibernetiċi, qtugħ tal-elettriku, diżastri naturali u kriżijiet oħra. 

U Malta kemm hi preparata? 

F’Malta wkoll ittieħdu inizjattivi biex titjieb it-tħejjija tal-popolazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. 

F’April li għadda, il-Gvern ħabbar inizjattiva biex kull familja f’Malta u Għawdex tingħata manwal dwar l-emerġenzi u kutra għat-tifi tan-nar. 

Il-proġett, imħabbar mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, sar b’kollaborazzjoni mal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija u s-settur tas-saħħa. 

Il-manwal jinkludi pariri dwar kif wieħed għandu jaġixxi qabel, waqt u wara emerġenza, kif ukoll dwar il-preparazzjoni ta’ basket b’oġġetti essenzjali f’każ li familja jkollha titlaq minn darha malajr. 

Madankollu, l-attakki ċibernetiċi riċenti fl-Ewropa jqajmu mistoqsijiet dwar kemm Malta hija preparata għal interruzzjonijiet fit-tul fil-provista tal-elettriku, tal-ilma, tal-ikel u ta’ servizzi essenzjali oħra. 

F’dan il-kuntest, din il-gazzetta bagħtet sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar jekk Malta għandhiex pjan nazzjonali ta’ tħejjija għal emerġenzi fuq skala kbira, kif ukoll jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jħeġġeġ lill-familji Maltin iżommu provisti ta’ ikel, ilma u prodotti essenzjali għal mill-inqas 72 siegħa, kif qed jiġi rakkomandat f’pajjiżi Ewropej oħra. 

Intalbu wkoll dettalji dwar jekk l-awtoritajiet Maltin wettqux valutazzjonijiet tar-riskju wara l-attakki fuq is-sistemi tat-tkessiħ tas-supermarkets Ewropej, u jekk sarx kuntatt ma’ supermarkets, importaturi tal-ikel u operaturi ta’ faċilitajiet ta’ ħażna mkessħa f’Malta. 

Mistoqsijiet oħra ffukaw fuq il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, il-pjanijiet alternattivi f’każ ta’ attakk ċibernetiku serju, is-sigurtà tal-provista tal-ikel fid-dawl tad-dipendenza ta’ Malta fuq l-importazzjoni, u l-mezzi ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku waqt emerġenza nazzjonali. 

Il-Gvern ġie mistoqsi wkoll jekk sarux simulazzjonijiet biex tiġi ttestjata t-tħejjija tal-pajjiż għal kriżijiet simili u jekk humiex ippjanati miżuri jew rakkomandazzjonijiet ġodda għall-popolazzjoni. 

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien għadu ma bagħat l-ebda tweġiba għall-mistoqsijiet. 

More in Kronaka