Clyde u Malcolm: sintomu ta’ Gvern li qed jitlef il-boxxla? ​

Il-PN spettatur: juri l-inkapaċità tiegħu li jagħmel avvanzi fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn 

Żewġ episodji differenti riċenti kixfu l-istess problema fil-qalba tal-Gvern ta’ Robert Abela: nuqqas ta’ koerenza, nuqqas ta’ direzzjoni politika u sens dejjem aktar ċar li fil-Partit Laburista kulħadd qed jiġbed għal rasu.  

Minn naħa hemm il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, li fetaħ il-bieb għall-kontroversja dwar rapport li kien wissa dwar il-konsegwenzi tat-tkabbir tal-popolazzjoni, u min-naħa l-oħra hemm il-Ministru għall-Kultura Malcolm Paul Agius Galea, li rnexxielu joffendi settur sħiħ b’kummenti dwar l-artisti u l-kreattività. 

Il-każ ta’ Caruana huwa partikolarment imbarazzanti għall-Gvern. F’intervista estensiva mat-Times of Malta, ippubblikata fid-9 ta’ Novembru, il-Ministru żvela li fl-2018 kien ħejja rapport ta’ madwar 300 paġna dwar l-impatt tat-tkabbir tal-popolazzjoni fuq Malta, iżda li r-rapport kien twarrab u ma kienx ġie ppubblikat. Huwa kien qed jitkellem dwar studju li kien ikkummissjonat mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat meta Caruana kien għadu jmexxi l-Aġenzija Jobsplus. 

Caruana qal li kien ilu snin iġorr il-kritika talli ġie meqjus bħala wieħed mill-arkitetti tal-mudell ekonomiku bbażat fuq il-ħaddiema barranin, minkejja li, skontu, kien wissa dwar il-konsegwenzi tiegħu. Huwa rrefera wkoll għal min allegatament qallu biex ir-rapport jaħarqu, iżda ma identifikax dan min kien. 

Ir-rivelazzjoni ta’ Caruana fetħet kontroversja politika ġdida, speċjalment fid-dawl tal-miżuri fil-Budget 2027 dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Iżda meta l-MP Nazzjonalista Adrian Delia talab li r-rapport jiġi ppubblikat fil-Parlament fil-11 ta’ Novembru, Caruana wieġeb li huwa kien l-awtur tiegħu, iżda mhux sidu, u li ma kellux l-awtorità li jagħmlu pubbliku. Biex aktar tħawdu l-affarijiet, Robert Abela fi stqarrija minn Kastilja mbagħad qal li qatt ma kien ra dan ir-rapport. 

Dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar min kien jaf x’kien qed jiġri, min warrab it-twissijiet u għaliex il-pajjiż kellu jistenna tmien snin biex jisma’ dwar studju li kien jittratta problemi li llum jinsabu fiċ-ċentru tad-dibattitu nazzjonali.  

It-tieni episodju, dak ta’ Malcolm Paul Agius Galea, huwa differenti fin-natura tiegħu, iżda daqstant ieħor żvela problemi ta’ ġudizzju u kompetenza politika. Fid-diskors tiegħu waqt il-Malta Festival of Ideas, li r-reġistrazzjoni tiegħu ħarġet fil-pubbliku fid-9 ta’ Novembru, il-Ministru ddeskriva l-ewwel erba’ xhur tiegħu fil-kariga bħala “trawmatiċi”.  

Qal li, mill-esperjenza tiegħu bħala tabib, kien tgħallem iqis il-kreattività bħala xi ħaġa prużuntuża u perikoluża (“presumptuous and dangerous”), u lmenta li fis-settur kulturali kulħadd jaħseb li huwa r-rigal t’Alla lid-dinja (“God’s gift to the world”). 

Mhux biss. Huwa staqsa għaliex produzzjonijiet li jkollhom suċċess u jattiraw udjenzi għandhom bżonn finanzjament pubbliku, u insista li l-kreattività għandha topera fi ħdan ċerti normi ta’ tajjeb u ħażin. Kummenti li qanqlu reazzjoni qawwija mill-artisti u mill-organizzazzjonijiet kulturali, bi wħud jitolbu r-riżenja tiegħu. 

Abela kkundanna l-kummenti bħala insensittivi u qal li l-artisti kellhom raġun iħossuhom diżappuntati. Madankollu, minflok neħħa lill-Ministru, iddefendieh billi qal li ma kellux intenzjoni ħażina. Agius Galea mbagħad ammetta li seta’ għażel kliemu aħjar, iżda ċaħad l-idea li jirriżenja, u wiegħed li jwieġeb għall-kritika b’aktar ħidma għas-settur.  

Iż-żewġ każijiet ġabu lill-PN f’pożizzjoni li minnha seta’ jagħmel avvanzi politiċi. Fil-każ ta’ Agius Galea, il-PN ħareġ jappoġġja lill-artisti u ddefenda l-libertà tal-espressjoni, permezz tal-kelliema tiegħu Justin Schembri u Marilena Gauci. Fil-każ ta’ Caruana, Adrian Delia għamel pressjoni fil-Parlament biex ir-rapport jiġi ppubblikat. Madankollu, dawn ir-reazzjonijiet kienu u baqgħu biss reazzjonijiet.  

Il-PN falla milli jdawwarhom fi sfida politika organizzata u konvinċenti li tisfrutta l-kontradizzjonijiet tal-Gvern.  

U proprju hawn tinsab il-problema l-oħra. Gvern li fih Ministru tal-Finanzi jidher li qed jisfida lill-Prim Ministru dwar il-passat ekonomiku tiegħu, u Ministru ieħor li jrid jiġi pubblikament imċanfar għall-mod kif jitkellem dwar is-settur li suppost imexxi, mhuwiex Gvern li qed juri direzzjoni ċara. 

Il-kummenti attribwiti lil sorsi fil-PL, li jiddeskrivu lil Caruana bħala Ministru li qiegħed jisfida lil Abela u lil Agius Galea bħala wieħed li ma jafx x’inhu jgħid, juru kemm it-tensjonijiet interni jistgħu jkunu serji. 

Iżda l-akbar mistoqsija mhijiex biss jekk Abela għandux interess li jikkontrolla l-Ministri tiegħu jew inkella jħallix kollox sakemm ikun hemm kriżi bla preċedent.  Stil rikorrenti ta’ Robert Abela, li ma jagħmel xejn sakemm ma jaqax is-saqaf fuq rasu. 

Iżda l-akbar mistoqsija hija jekk għadx hemm viżjoni politika li tgħaqqad lil dan il-Gvern. U, sadanittant, il-PN qed jonqos milli jikkonvinċi li huwa alternattiva li kapaċi jisfrutta dawn in-nuqqasijiet u jippreżenta direzzjoni differenti għall-pajjiż. 

More in Kronaka