Maltija ta’ 55 sena titlef ħajjitha f’inċident tat-traffiku fi Sqallija

Il-vettura li kienet fiha l-mara kienet involuta f’ħabta ma’ trakk f’Modica, filwaqt li l-Pulizija Taljana qed tinvestiga ċ-ċirkostanzi tal-inċident.

Mara Maltija ta’ 55 sena tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ is-Sibt waranofsinhar f’Modica, fi Sqallija.

Skont rapport tat-Times of Malta, li rrefera għal informazzjoni mill-midja Taljana, l-inċident seħħ fit-triq statali 194, qrib il-lokalità kostali ta’ Maganuco, fil-provinċja ta’ Ragusa.

Mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li l-karozza li fiha kienet qed tivvjaġġa l-Maltija kienet involuta f’ħabta ma’ trakk bi trailer.

Fuq il-post issejħu membri tat-tifi tan-nar u uffiċjali tal-Pulizija Taljana.

Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar kellhom jintervjenu biex joħorġu lill-mara mit-tifrik tal-vettura.

Il-Pulizija Taljana għaddejja bl-investigazzjonijiet biex tistabbilixxi x’wassal għall-ħabta.

S’issa ma ngħatawx aktar dettalji dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident.

 

More in Kronaka