ARA | ‘Fil-każ tax-Xewkija, flok qassis, kont nibgħat xjentist’
F’intervista ma’ din il-gazzetta wara dak li ġara fix-Xewkija, Sayan Cassar qal li każijiet bħal dawn għandhom jiġu investigati b’mod xjentifiku, filwaqt li sostna li fenomeni mhux spjegati jistgħu jħallu indikazzjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati minn esperti
minn Jaelle Borg
Minn fejn ġiek l-interess fuq dawn l-affarijiet paranormali?
Prattikament, tul iż-żmien rajt tliet UFOs u kelli tliet esperjenzi differenti ta’ UFOs. Għedt, “Ma jistax ikun li jien biss; żgur li hawn xi ħadd ieħor.” Bdejt naħdem fuq xi ħaġa, bdejt naqra ftit, imbagħad bdejt naħdem fuq dokumentarju dwar UFOs, il-konnessjoni tagħhom mar-reliġjon u mal-paranormal ukoll, primarjament biex neduka lin-nies. Imbagħad iltqajt mal-ħabib tiegħi Marco u ma’ Keith u, tipo, bdejna l-podcast flimkien.
U fuq dak li ġara fix-Xewkija, meta smajt x’kien ġara, x’kienet l-ewwel ħaġa li ġiet f’moħħok?
Il-post għandi diversi stejjer fuqu. Primarjament, jien m’għandix esperjenza personali hemmhekk. Jiġifieri, il-post nafu, imma l-paranormal jaħdem b’mod differenti ħafna milli jaħsbu n-nies. Jien ma kkummentajt xejn għax ma rridx noħloq problema lis-sidien tal-post. Bħalma rajna, kien hemm min tefa’ post jgħidu li jistgħu jfittxu n-nies li jitfgħu ċerti kummenti, għax inti tista’ titlef il-business minħabba f’hekk. Imma bħala post, jista’ jkun hemm xi ħaġa li tqanqal il-paranormal. Il-paranormal mhuwiex kif jaħsbu n-nies; huwa ħafna aktar kumpless.
Issa, mingħajr ma nidħlu fil-każ speċifiku, nafu li ġie rrappurtat li allegatament raw persuna b’wiċċ abjad, mingħajr għajnejn u ħalq, jekk m’iniex sejra żball. Din hija xi deskrizzjoni li forsi ġieli smajt f’rakkonti oħra, jew hemm xi isem għaliha?
Hemm dawk li jsejħulhom ta’ “wiċċ abjad”. Insibuha anke f’ċerti kitbiet fil-kulturi tal-Lvant. Isibuhom bħala ‘jinn’, li mhuwiex ruħ jew xi ħaġa oħra, imma entità li tokkupa l-istess spazju li nkunu fih aħna. Għalihom, il-ħin mhuwiex lineari bħal tagħna. Aħna nħarsu lejn il-ħin bħala xi ħaġa li timxi ’l quddiem, imma huma jistgħu jimxu lura jew ’il quddiem. Jiġifieri, qegħdin sempliċement jokkupaw dik id-dimensjoni, dak l-ispazju.
U qalu wkoll li kien hemm xi oġġetti jiċċaqalqu, bibien jinfetħu u jingħalqu u affarijiet bħal dawn.
Il-fenomenu tal-poltergeist, ġeneralment meta jkun hemm alien abduction, alien experience, jew xi ħadd ikollu esperjenza ta’ hitchhiker. Hitchhiker huwa meta inti tmur xi mkien u ġġorr xi ħaġa miegħek. Ġeneralment jibda bil-ħsejjes, jew b’boċċi qishom jaqgħu, tapping, bibien jingħalqu, jew inkella b’misplaced items. Jiġifieri, ikollok oġġett, tqiegħdu xi mkien, imbagħad tibda tfittex fejn qiegħed u ssibu xi mkien ieħor. Ġeneralment jibda hekk. Għalhekk aħna ngħidu li l-fenomenu huwa trickster, għax ikun qiegħed jinganna.
Issa, hemm ukoll affarijiet li għal ħafna nies jistgħu jidhru paranormali iżda jista’ jkollhom spjegazzjoni pjuttost sempliċi, medika jew xjentifika.
Jista’ jkun. Jista’ jkun li l-każ kien break-in, xi ħadd daħal fuqhom. Għax l-ewwel darba li smajt li f’dan il-post il-persuna kienet f’kuntatt dirett ma’ din l-entità u bdiet issabbatha fuq is-sodda, dik kienet l-ewwel darba li smajt xi ħaġa bħal din. Jiena kelli esperjenzi oħra ta’ nies li ltaqgħu ma’ entità. Primarjament kelli esperjenza fejn persuna telgħet it-taraġ, ħasbet li kien hemm tifel ieħor u qaltlu, “Ejja nilagħbu,” u qeleb lill-persuna t-taraġ.
U hemm xi kategorija għal dawn it-tip ta’ spirti? Ħafna nies jgħidulhom spirti ħżiena, jew spirti ddisprati?
Aħna li nsegwu u nistudjaw dan is-suġġett nafu li dawn l-affarijiet li qed nagħmlu interaction magħhom mhumiex erwieħ ta’ nies mejtin.
Għax jekk tistudja, il-kuxjenza tal-bniedem mhijiex local, hija non-local. Jiġifieri mhijiex qiegħda ġo fina; qisha live stream minn xi mkien, biex forsi n-nies jifhmuha. Aħna qegħdin f’ekosistema. Bħalma darba ma konniex naraw il-mikrobi u llum sirna nafu bihom, xi 100 jew 150 sena ilu, din tista’ tkun realtà li fil-mument ma nistgħux nosservawha.
Nistgħu nesperjenzawha. Bħal meta jkollok tesseract li dan jekk titfgħu fid-dawl u tara d-dell tiegħu, tkun qed tara d-dell tal-fourth dimension. Jiġifieri tkun qed tara xi ħaġa lil hinn minn dak li normalment nistgħu naraw. Il-bniedem dejjem qed jiskopri u jimxi ’l quddiem.
Dan is-suġġett huwa importanti. Il-problema hi li n-nies joħduh biċ-ċajt jew jgħidu li ma jeżisti xej, iżda llum il-ġurnata qed naraw li anke l-gvern Amerikan qed jinvesti u ilu jinvesti snin, u qed joħroġ informazzjoni. Issa anke l-Unjoni Ewropea — li ħafna nies ma jafux — qed tistudja dan is-suġġett.
Iżda l-biża’ huwa fatt magħruf li jista’ jinfluwenza dak li wieħed jaħseb li ra jew sema’. Pereżempju, tkun fi grupp u wieħed min-nies jgħidlek, “Rajt dak?” u xi nies ibiddlu l-perċezzjoni tagħhom biex jaqblu ma’ dak li qal li ra. Kif twieġeb għal din il-kritika?
Jista’ jkun mass hysteria. Ġeneralment, min ikun esperjenza din il-ħaġa joqgħod lura milli jitkellem, għax mhux kulħadd se jifhmu u mhux kulħadd jgħaddi minn din l-esperjenza.
Din l-esperjenza hija unika għal kulħadd. Jiġifieri, jekk jien esperjenzajtha b’ċertu mod, mhux bilfors inti tesperjenzaha bl-istess mod. Inti jista’ jkollok esperjenza aktar profonda milli kelli jien, jew jien jista’ jkolli kuntatt aktar dirett.
Hemm ħafna affarijiet f’dan is-suġġett. Ma tistax taqbad ħaġa waħda u tgħid, “Din setgħet ġrat hekk jew hekk.” Irid ikollok il-provi. Ir-ritratti mhumiex biżżejjed. Imbagħad għandek il-problema tal-mass hysteria. Jista’ jkun li n-nies ma jarawx l-istess oġġett.
Jista’ jkun hemm l-evidenza u n-nies xorta ma jarawx l-istess oġġett. Jiġifieri hemm ħafna fatturi f’dan is-suġġett li trid tinvestiga u trid tidħol fil-fond fihom, biex tkun taf ukoll il-persuna minn xiex għaddiet.
Inti smajt ħafna każijiet. X’jagħmel storja waħda aktar kredibbli minn oħra li tkun smajt?
Ċerti fatturi li jien ma ngħidhomx fil-podcast, u n-nies isemmuhom huma stess. Jiġifieri ġieli nagħti ftit informazzjoni. Pereżempju, din tal-ħoss tal-boċċi jew il-ħoss tal-katina ġieli semmejthom.
Dan l-aħħar, pereżempju, ikkuntattjatni ħabiba tiegħi li kellha esperjenza meta kienet żgħira u rrakkontathieli. Il-mod kif tirrakkontaha, id-dettall u hekk, jagħtik ċerta informazzjoni. Imbagħad inti tista’ tqabbilha ma’ affarijiet oħra li għandek. Mhijiex prova li l-istorja hija kredibbli, imma tara pattern.
U hemm xi storja jew esperjenza li smajt li baqgħet miegħek?
Hemm ħafna; impossibbli tagħżel waħda. Imma, pereżempju, hemm l-esperjenza ta’ Ċettina li kienet fil-podcast tiegħi.
Għax mhux sempliċement ġratilha darba; baqgħet tul ħajjitha kollha tesperjenza l-paranormal. Dik waħda minnhom.
Imbagħad għandi esperjenza ta’ qarib tiegħi li, għalija, kellu alien encounter. In-nies ma jassoċjawx l-aljeni u l-UFOs mal-paranormal, u dik hija problema kbira, għax l-istudju juri li hemm plasmoids li jistgħu jkunu dan it-tip ta’ paranormal li nesperjenzaw.
Bejn l-ispirti, iħirsa eċċ. … hemm xi distinzjoni?
Dawn li jmorru jippruvaw jaqbdu l-erwieħ fuq sweep radio, fuq ċertu apparat u affarijiet oħra li normalment insibuhom f’idejn in-nies — b’dak m’int se taqbad xejn. Dik waħda.
Jiġifieri, jekk xi ħadd imur jipprova jaqbad ruħ ta’ xi ħadd, aħna ngħidu li dik ma teżistix. Huwa impossibbli li jkollok komunikazzjoni ma’ xi ħadd li miet.
Hemm mezzi oħra, bħal out-of-body experience u affarijiet oħra, li permezz tagħhom tista’ tikkomunika mal-mejtin, imma mhux b’dan it-tip ta’ mod.
Imbagħad, biex nibdew nikkategorizzaw, għandek dawk li aħna nsejħulhom il-jinn. Il-jinn hija entità li tieħu forom differenti. Pereżempju, fil-kultura Iżlamika hemm min jemmen li meta wieħed jidħol f’kamra għandu jgħid ċerti kliem biex jipproteġi ruħu mill-jinn.
Għan-nies tagħna jista’ jkun “il-ħares”, il-kelma Maltija. Għandna l-jinn, għandna dawk li jsejħulhom shadow people. Hemm ħafna entitajiet differenti.
Però t-teorija hija li hemm ħafna affarijiet differenti li qed jaħdmu għal għan wieħed. Jiġifieri, hemm ħafna entitajiet u ħafna affarijiet li jidhru li qed jaħdmu lejn għan wieħed, bħallikieku għandhom aġenda.
Qed nitkellmu fuq xi ħaġa li għandha ħafna branches. Tidħol fil-kuxjenza, tidħol f’kollox, u qisha tiffidja mill-biża’, mill-imħabba u minn affarijiet oħra.
Konna qed nitkellmu fuq dak li ġara Għawdex. Għawdex huwa magħruf għal dawn l-istejjer. Taħseb li verament Għawdex hemm aktar minn dawn l-affarijiet hemmhekk, jew taħseb li l-folklor Malti jaffettwa dak li naħsbu dwar Għawdex?
Għawdex għandna l-aqwa video ta’ UFO, minn qabel l-era tad-drones.
F’Għajnsielem. Jiġifieri, jekk tfittxu, qiegħed fuq YouTube. Għandna wieħed mill-aqwa videos ta’ UFO f’forma ta’ trianglu.
Jiġifieri hemm xi ħaġa. Issa, x’jista’ jkun hemm? Ġeneralment il-paranormal ikun attratt lejn ir-radjuattività, fejn ikun hemm radon u affarijiet oħra li jarmu radjuattività.
Bħal meta n-naħla tiġi attratta lejn il-fjura minħabba l-pollen, jista’ jkun hemm xi impatt radjuattiv.
Allura, flok bagħtu l-qassis, jien kont nibgħat xjentist. Għax jekk verament kien hemm xi ħaġa paranormali, il-paranormal se jħalli indikazzjoni ta’ xi ħaġa. Issa jekk hux impatt radjuattiv jew xi evidenza oħra, ix-xjenza tista’ ssibha.
Imma qassis mhux se jsibha. U ma taħdimx kif jaħsbu n-nies, jiġifieri li titlob, tqanqalha u titlaq minn hemm. Hija ħafna differenti.
Dawn il-UFOs li semmejt xi jkunu eżatt?
Issa hemm ħafna kategoriji differenti ta’ UFOs. Mill-informazzjoni li ħarġet dan l-aħħar, hemm teoriji li jgħidu li dawk li jsuqu t-Tic Tacs huma reptilians, dawk li jsuqu l-boomerangs huma oħrajn, u hemm dawk li jidhru bħalna. Hemm ħafna teoriji differenti.
Imbagħad għandek il-plasmoids. Il-plasmoids, milli jidher, nistgħu nikkomunikaw magħhom. Aħna ppruvajna xi għaxar darbiet u minn għaxar darbiet irnexxielna xi ħames darbiet narawhom, u ffilmjajniehom ukoll.
Fl-aħħar nett, għal dawk in-nies li forsi jgħidu li dawn kollha stejjer jew kollha immaġinazzjoni, x’inhu l-messaġġ tiegħek?
Ilna minn żmien il-bidu tal-bniedem naraw nies jesperjenzaw dawn l-affarijiet. Jiġifieri, dak li kienu jesperjenzaw in-nies qabel, għadna nesperjenzawh illum.
Illum għandna aktar teknoloġija u aktar mezzi biex nistudjawhom. L-Unjoni Ewropea qed taħdem fuq xi ħaġa li Malta mhijiex inkluża fiha. Bħalissa hija bejn il-pajjiżi l-kbar biss, u hija ħasra għax aħna għandna volum kbir ta’ esperjenzi paranormali hawnhekk.
U nħeġġeġ lill-Gvern Malti biex jibda jħares lejn dan. Pereżempju, il-Pulizija jew l-armata jingħataw sett ta’ linji gwida biex, jekk jiltaqgħu ma’ xi ħaġa bħal din, ikunu jistgħu jikkomunikaw ma’ xjentisti jew nies oħra li jkunu jistgħu jidentifikaw jekk kinitx xi ħaġa reali jew jekk kienx hemm xi spjegazzjoni oħra.
