Miċħud il-ħelsien mill-arrest wara li allegatament beżaq f’wiċċ l-eks sieħba
L-akkużat diġà kellu ordni ta’ protezzjoni imposta fuqu fil-konfront tal-allegata vittma
More in Kronaka
L-akkużat diġà kellu ordni ta’ protezzjoni imposta fuqu fil-konfront tal-allegata vittma
Albaniż ta’ 31 u ħaddiem fil-kostruzzjoni wieġeb mhux ħati għall-sensiela ta’ akkużi li jinkludu theddid u inġurji, li kkawża biża’ li vjolenza se tintuża kontriha, li beżaq fuqha, kif ukoll li kiser ordni ta’ protezzjoni.
L-akkużat xtaq li jirrappreżenta lilu nnifsu, u saħansitra saħaq quddiem il-qorti li ma jafda lil ħadd. Xorta waħda, hu ngħata d-dritt li jkun rrappreżentat minn avukata
It-taqsima dwar il-vjolenza domestika rċeviet tliet rapporti f'inqas minn ħames ġimgħat mingħand l-eks sieħba tal-akkużat, fejn għandhom tifel flimkien ta' 11-il xahar. Il-valutazzjoni tar-riskju fit-tliet rapporti kienet ta' għaxra, 12 u 16-il punt rispettivament, li tindika livell ta' riskju għoli.
Fil-5 ta' April 2026, l-akkużat kien diġà tressaq quddiem il-qorti u ngħata l-ħelsien mill-arrest. Il-qorti kienet ħarġet ordni ta' protezzjoni kontra l-akkużat bil-kundizzjoni li jista' jikkomunika mal-eks sieħba tiegħu biss dwar it-tifel tagħhom.
It-tliet rapporti jinkludu diversi insulti u theddid. Il-prosekuzzjoni saħqet li l-komunikazzjoni bejn il-koppja qatt ma kienet waħda ordinarja, hekk kif l-akkużat kien jitlob li jara lil ibnu b'mod insultanti u bit-theddid. Allegatament, meta mar jara lil ibnu, hu beżqilha f'wiċċha, u f'każ ieħor ta daqqa’ ta’ sieq il-bieba tal-passiġġier tal-vettura tagħha.
It-12 ta' Ġunju 2026 kienet l-aħħar darba li ffirma l-għassa, u naqas milli jiffirma matul dawn l-aħħar 4 xhur.
Hu allegatament kellem lill-pulizija b'mod arroganti. Waqt l-arrest tiegħu fil-5 ta' Ottubru fl-10:45pm, il-filmat mill-bodycam wera l-attitudni tiegħu lejn l-uffiċjali tal-pulizija fejn irreżista l-arrest, u baqa' juri l-istess attitudni matul il-lejl. L-ispettur tatu d-dritt li jkellem lill-avukat tiegħu, iżda hu rrifjuta l-għajnuna legali, u ma riedx jiffirma d-dikjarazzjoni ta' rinunzja ta' avukat u saħansitra rema d-dokument mal-art.
Din l-attitudni u n-nuqqas ta' kooperazzjoni tkomplew ilbieraħ filgħaxija meta surġent ħadu l-Isptar Mater Dei wara li lmenta minn xi problemi mediċi, u baqa' bl-istess attitudni sakemm tressaq il-qorti.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, fejn il-prosekuzzjoni oġġezzjonat b’qawwa u rrimarkat il-biża’ tal-intralċ tal-provi fejn l-allegata vittma għadha trid tixhed. Barra minn hekk, il-prosekuzzjoni saħqet li m’għandhiex is-serħan tal-moħħ li l-akkużat ħa jaderixxi mal-kundizzjonijiet imposti fuqu, tant li ilu erba’ xhur ma jiffirmax l-għassa kif kien ordnat.
Fis-sottomissjonijiet tad-difiża, hi għafset fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza, kif ukoll li għandu residenza fissa fl-eventwalità li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Id-difiża rrakkomandat li waħda mill-kundizzjoniet tkun li l-akkużat ma javviċinax l-lokalità fejn tgħix l-allegata vittma.
Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat Ingrid Bianco ppresediet fuq l-arrest.
L-Ispettur Audrey Micallef mexxiet il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat Martina Herrera dehret għall-akkużat bħala għajnuna legali.