Aktar minn nofs in-negozji tal-familja żiedu d-dħul iżda mhux il-profitti

Stħarriġ tal-Kamra tal-Kummerċ u EMCS Advisory sab li 55% tan-negozji tal-familja żiedu t-turnover bejn l-2022 u l-2025 mingħajr titjib fil-profitti, filwaqt li l-ispejjeż tal-pagi u n-nuqqas ta’ ħaddiema komplew ipoġġu pressjoni fuqhom

Madwar 55% tan-negozji tal-familja f’Malta raw żieda fit-turnover bejn l-2022 u l-2025, iżda dan ma ssarrafx f’żieda fil-profitti, skont stħarriġ ippubblikat mill-Kamra tal-Kummerċ flimkien ma’ EMCS Advisory.

Ir-riżultati juru li 37% biss tan-negozji mistħarrġa rrappurtaw żieda kemm fit-turnover kif ukoll fil-profitti.

L-istħarriġ jenfasizza d-diffikultà li ħafna negozji qed jiffaċċjaw biex jikbru mingħajr ma jaraw il-marġni tagħhom jiddgħajjef.

Madwar 90% tal-problemi ta’ kuljum identifikati min-negozji kienu marbuta mal-operat, fosthom kwistjonijiet immedjati u diffikultajiet relatati mal-ħaddiema.

Fost in-negozji li m’għandhomx strateġija miktuba, 80% qalu li l-pressjonijiet ta’ kuljum u n-nuqqas ta’ ħin kienu r-raġuni ewlenija għaliex ma kellhomx pjan formali.

Min-naħa l-oħra, 41.5% tan-negozji li kellhom strateġija miktuba u attiva rrappurtaw żieda kemm fit-turnover kif ukoll fil-profitti.

Waqt il-preżentazzjoni tar-riżultati l-Ħamis, Silvan Mifsud, li jippresiedi l-kumitat tan-negozji tal-familja fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, qal li strateġiji miktuba jidhru li huma marbuta ma’ profittabbiltà aħjar.

Ir-rapport, iżda, iwissi li sempliċement ikollok bord li jiffunzjona ma jfissirx li n-negozju jkun protett minn tnaqqis fil-marġni.

In-negozji żgħar ħafna u l-akbar kumpaniji marru aħjar

Il-prestazzjoni kienet differenti wkoll skont id-daqs tan-negozju.

L-iżgħar kumpaniji u dawk l-akbar irrappurtaw riżultati aktar b’saħħithom, filwaqt li dawk ta’ daqs medju sabuha aktar diffiċli biex jibdlu żieda fid-dħul f’aktar profitt.

Fost kumpaniji b’aktar minn 250 impjegat, 60% irrappurtaw żieda kemm fit-turnover kif ukoll fil-profitti.

Mifsud qal li negozji żgħar ħafna jistgħu jaħdmu b’mod effiċjenti permezz ta’ arranġamenti informali, filwaqt li kumpaniji akbar ikollhom strutturi u sistemi aktar stabbiliti biex jikkonvertu t-tkabbir fi profitt.

Pressjoni mill-pagi u n-nuqqas ta’ ħaddiema

Il-ħaddiema kienu fost l-akbar sfidi msemmija.

Kważi 80% tan-negozji qablu li s-sejba u ż-żamma tal-ħaddiema kienet l-akbar diffikultà operattiva tagħhom.

Barra minn hekk, 54.3% qalu li l-ispejjeż tal-pagi kienu qed jogħlew b’rata aktar mgħaġġla mid-dħul.

Madwar 70% tan-negozji kellhom bord li jiltaqa’ regolarment, iżda dan ma kienx garanzija ta’ profitti aħjar.

Fil-fatt, fost dawk b’bord attiv, 40.4% irrappurtaw turnover ogħla iżda profitti aktar baxxi.

Aktar ippjanar strateġiku, iżda ħafna għadhom mingħajru

Madwar 40% tan-negozji issa għandhom pjan strateġiku miktub, żieda minn 32%.

Madankollu, nofs in-negozji għadhom mingħajr wieħed, anke jekk jirrikonoxxu li għandhom bżonnu.

Il-pjanifikazzjoni tas-suċċessjoni tibqa’ wkoll problema.

Madwar 61% qalu li ma kellhomx pjan ta’ suċċessjoni miktub, b’raġunijiet li jinkludu interess limitat mill-ġenerazzjoni żagħżugħa, dipendenza fuq arranġamenti informali fil-familja, nuqqas ta’ ħin u diffikultà biex jintlaħaq qbil.

Anke fejn is-suċċessjoni ma tidhirx possibbli, ħafna sidien xorta jibqgħu riluttanti li jbigħu n-negozju.

Madwar 57.6% qalu li ma jikkunsidrawx bejgħ lill-impjegati jew lil terzi, filwaqt li 32.8% qalu li jistgħu jikkunsidraw bejgħ lil terza persuna jew merger.

Il-politiki dwar l-impjieg ta’ membri tal-familja qed isiru aktar komuni, b’35% tan-negozji issa jkollhom waħda, minn 26% fl-2024.

Madankollu, taħriġ formali għadu rari. Madwar 78% qalu li ma kellhomx policy li tobbliga lill-membri tal-familja jagħmlu taħriġ speċifiku dwar it-tmexxija ta’ negozju tal-familja.

 

More in Kronaka