Il-PN jipproponi kumitat parlamentari dwar it-traffiku u l-mobilità sostenibbli

Skont il-proposta, il-kumitat li jkun inkarigat jindirizza l-problemi tat-traffiku f’Malta jkun magħmul minn tliet membri tal-Gvern u tliet membri tal-Oppożizzjoni, taħt it-tmexxija tal-Ispeaker tal-Kamra

Ix-Shadow Minister għat-Trasport Ivan Castillo qed jipproponi t-twaqqif ta’ Kumitat Magħżul Parlamentari dwar it-Tnaqqis tat-Traffiku u l-Mobilità Sostenibbli, bil-għan li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jaħdmu flimkien fuq soluzzjonijiet għall-problemi tat-traffiku f’Malta.

Castillo qal li t-traffiku huwa problema nazzjonali li tolqot lill-familji, lill-persuni li jivvjaġġaw kuljum, lill-iskejjel u lin-negozji, u sostna li l-Parlament għandu jservi ta’ forum fejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni, esperti u stakeholders jistgħu jeżaminaw flimkien miżuri possibbli.

Skont il-proposta, il-kumitat ikun magħmul minn tliet membri tal-Gvern u tliet membri tal-Oppożizzjoni, bl-Ispeaker tal-Kamra jippresedih.

It-twaqqif tiegħu jsir permezz ta’ mozzjoni konġunta approvata mill-Parlament.

Il-Ministru u x-Shadow Minister responsabbli mill-mobilità sostenibbli jkunu fost il-membri tal-kumitat, filwaqt li esperti u stakeholders oħra jiġu mistiedna biex jagħtu pariri u xhieda.

Castillo qal li l-Parlament diġà għandu proċeduri li jippermettu t-twaqqif ta’ select committees biex jiġu eżaminati suġġetti speċifiċi. Dawn jipprovdu fost oħrajn għall-parteċipazzjoni tal-Ispeaker, is-smigħ tax-xhieda, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti u rapporti lill-Kamra.

Il-kompożizzjoni preċiża u t-terms of reference tal-kumitat jiġu stabbiliti fil-mozzjoni li twaqqfu.

Castillo semma wkoll kumitati parlamentari preċedenti bħala eżempji ta’ ħidma bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra li wasslet għal proposti konkreti.

Fost dawn semma l-Kumitat Magħżul dwar ir-Rikodifikazzjoni u l-Konsolidazzjoni tal-Liġijiet, li ppreżenta abbozzi ta’ liġi dwar il-ġustizzja f’Għawdex u l-liġi amministrattiva, il-Kumitat Magħżul dwar it-Trab Iswed imwaqqaf fl-2010, u l-Kumitat Magħżul dwar it-Tisħiħ tad-Demokrazija, approvat unanimament fis-16 ta’ Lulju 2008.

Esperti, kunsilli u pubbliku mistiedna jipparteċipaw

Il-kumitat propost ikun jista’ jisma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi, esperti indipendenti, kunsilli lokali, operaturi tat-trasport, ħaddiema u negozji.

Passiġġieri, persuni b’diżabilità u membri tal-pubbliku jkunu wkoll mistiedna jaqsmu l-esperjenzi u l-proposti tagħhom.

Skont Castillo, il-membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni jkollhom aċċess għall-istess data dwar fost oħrajn il-ħinijiet tal-vjaġġi, l-affidabbiltà tat-trasport pubbliku, it-trasport tal-iskejjel, il-parkeġġ u l-għeluq tat-toroq.

Minn hemm, il-kumitat ikun jista’ jeżamina kemm miżuri fuq żmien qasir kif ukoll soluzzjonijiet aktar fit-tul, inklużi l-ispejjeż tagħhom u l-impatt mistenni.

L-għan, qal Castillo, ikun li proposti jiġu żviluppati flimkien.

Rapport kull tliet xhur

Il-proposta titlob ukoll li l-kumitat jirrapporta lill-Parlament u jippubblika rapport kull tliet xhur skont ir-regoli parlamentari.

Dawn ir-rapporti jinkludu s-sejbiet tal-kumitat, id-data eżaminata, ir-rakkomandazzjonijiet, l-azzjonijiet meħtieġa u l-progress fuq miżuri li jkunu ġew aċċettati.

Castillo qal li dan jippermetti lill-pubbliku jsegwi l-iżviluppi u jevalwa jekk ikunx qed isir progress.

L-Oppożizzjoni mistennija titlob laqgħa mal-Gvern biex tippreżenta u tispjega formalment il-proposta, bil-għan li jintlaħaq qbil dwar kif tista’ tiġi implimentata.

Castillo qal li r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tibqa’ f’idejn il-Gvern, iżda sostna li l-Oppożizzjoni tista’ tagħti sehemha fit-tfittxija għal soluzzjonijiet.

Huwa qal li d-differenzi politiċi jistgħu jibqgħu jeżistu filwaqt li ż-żewġ naħat jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni, u ddeskriva l-proposta bħala offerta ta’ kooperazzjoni fuq problema li tolqot lill-pajjiż kollu.

More in Kronaka