L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni imponiet multa fuq żviluppatur fil-Mellieħa wara li sabet ksur regolatorju f’sit ta’ kostruzzjoni.
Il-BCA qalet li matul dawn l-aħħar xhur kienet wettqet diversi spezzjonijiet fis-sit u tat struzzjonijiet ċari lill-iżviluppatur biex ineħħi materjal li kien tħalla f’żona komuni.
Il-każ reġa’ tqajjem is-Sibt mill-chairperson ta’ Momentum Arnold Cassola, li ppubblika filmat fuq Facebook dwar il-kundizzjonijiet li, skont residenti milquta, ilhom jiffaċċjaw għal dawn l-aħħar tliet snin.
Cassola kkwota minn ittra mibgħuta lill-Ministru għall-Infrastruttura u l-Ippjanar Jonathan Attard, li fiha resident iddeskriva problemi strutturali, dħul ta’ ilma u nuqqasijiet ta’ sigurtà fil-binja.
Fl-ittra ġie allegat li saqaf tal-gypsum kien waqa’ fuq cot ta’ tarbija, filwaqt li xaft tal-lift mhux protett kif suppost ġie deskritt bħala “death trap”.
Ir-resident qal li l-familja tiegħu, inkluż tarbija tat-twelid u persuna anzjana, kienet ilha għal tliet snin tgħix f’dak li ddeskriva bħala sit ta’ kostruzzjoni perikoluż u mhux regolat.
Ġew irrappurtati wkoll ġrieħi fost membri tal-familja, perjodi fejn kellhom jitilqu mid-dar u perikli persistenti, fosthom partijiet miksura ta’ lift f’żoni komuni u xaft miftuħ li allegatament kien magħluq biss b’biċċa gypsum.
Il-BCA qalet li, wara l-ilmenti tar-residenti, l-uffiċjali tagħha reġgħu marru fuq il-post u sabu li materjal kien għadu jinsab fiż-żona komuni.
L-Awtorità qalet ukoll li l-iżviluppatur ma kienx ħa ħsieb b’mod adegwat id-dħul tal-ilma minn fetħiet fil-binja.
Konsegwentement, il-BCA imponiet multa u ordnat lill-iżviluppatur ineħħi l-materjal kollu miż-żona komuni, jagħlaq il-fetħiet u jwettaq ix-xogħlijiet ta’ tindif meħtieġa sal-20 ta’ Settembru.