Il-Gvern mhux se jippubblika l-ftehim li ffirma mal-kumpanija tal-intelliġenza artifiċjali OpenAI, minħabba li, skont il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, id-dokument fih informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.
Dan ħareġ minn tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-deputat tal-Oppożizzjoni Darren Carabott, li talab lill-Ministru jqiegħed kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati.
Fit-tweġiba tiegħu, Schembri sostna li l-ftehim ma jistax jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba n-natura tal-informazzjoni li fih.
Madankollu, il-Ministru offra lil Carabott il-possibbiltà li jara d-dokument personalment, bil-kundizzjoni li dan isir b’mod kunfidenzjali.
Madwar 32,000 persuna temmew il-kors b’suċċess
Fl-istess tweġiba parlamentari, Schembri żvela wkoll li madwar 50,000 persuna diġà applikaw għall-kors marbut mal-ftehim ma’ OpenAI.
Minn dawn, madwar 32,000 persuna temmew il-kors b’suċċess, skont iċ-ċifri mogħtija mill-Ministru.
It-tweġiba ma tagħtix dettalji dwar il-valur finanzjarju tal-ftehim, il-kundizzjonijiet kummerċjali tiegħu jew l-obbligi speċifiċi tal-partijiet.
Il-mistoqsija parlamentari, bin-numru 3564, tressqet minn Carabott fl-14 ta’ Ottubru 2026, filwaqt li t-tweġiba ta’ Schembri ġiet ippubblikata fis-seduta parlamentari tat-3 ta’ Novembru 2026.