Numru tat-telefon ma jagħtikx dritt timblokka garaxx – l-Ombudsman jikkritika lil Transport Malta

L-Awtorità kienet tqis li sewwieq jista’ jipparkja quddiem garaxx jekk iħalli numru ta’ kuntatt; il-każ spiċċa quddiem il-Parlament wara li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman baqgħu ma ġewx implimentati

Sewwieq ma jistax jimblokka l-aċċess għal garaxx li jkun qed jintuża sempliċement għax iħalli numru tat-telefon biex ikun jista’ jiġi kkuntattjat. Dan kien il-punt ewlieni ta’ deċiżjoni tal-Ombudsman Parlamentari, li sab li Transport Malta kienet qed tinterpreta ħażin ir-regolamenti dwar il-parkeġġ quddiem il-garaxxijiet.

Il-każ spiċċa quddiem il-Parlament wara li Transport Malta ma weġbitx għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman sal-iskadenza mogħtija lilha, u dawn baqgħu ma ġewx implimentati.

L-investigazzjoni bdiet wara lment minn persuna li għandha garaxx fi Triq l-Imsida, Santa Venera, fejn vetturi ta’ klijenti ta’ negozji fil-qrib u ta’ residenti kienu qed jitħallew ripetutament quddiem il-garaxx tagħha.

Minħabba f’hekk, il-persuna kienet issib ruħha ma tistax tidħol jew toħroġ liberament bil-vettura tagħha. F’diversi okkażjonijiet kellha tfittex lis-sewwieqa hi stess jew tistenna sakemm dawn imorru jneħħu l-karozzi.

Meta l-każ tqajjem ma’ Transport Malta, l-Awtorità sostniet li vettura setgħet titħalla pparkjata quddiem garaxx sakemm ikun hemm numru tat-telefon viżibbli biex is-sewwieq ikun jista’ jiġi kkuntattjat.

Madankollu, l-Ombudsman sab li din l-interpretazzjoni tmur kontra r-Regolament 77(2) tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur.

Dan ir-regolament jipprojbixxi li vettura titħalla pparkjata jew mingħajr sewwieq b’mod li xxekkel id-dħul jew il-ħruġ liberu ta’ vettura oħra minn post li jkun immarkat u jintuża bħala garaxx.

Għaldaqstant, il-fatt li sewwieq iħalli numru ta’ kuntatt ma jagħtihx permess jimblokka l-aċċess.

Ordnat ineħħi t-tabelli, iżda l-problema baqgħet

Il-persuna li ressqet l-ilment kienet ippruvat tindirizza s-sitwazzjoni billi waħħlet stiker bil-kliem “Garage in Use 24/7” u poġġiet żewġ tabelli li jwissu lis-sewwieqa biex ma jipparkjawx quddiem il-garaxx.

F’Diċembru 2025, uffiċjal ta’ Transport Malta ordnalha tneħħi t-tabelli minħabba li ma kellhiex l-awtorizzazzjoni meħtieġa.

L-Ombudsman ikkonkluda li Transport Malta kienet aġixxiet b’mod korrett f’dan ir-rigward, peress li individwi ma jistgħux ipoġġu tabelli jew oġġetti fit-triq pubblika mingħajr permess.

Minkejja dan, saħaq li t-tneħħija tat-tabelli ma kinitx soluzzjoni għall-problema ewlenija.

Huwa kkritika wkoll lill-Awtorità talli sempliċement irreferiet lill-persuna għand l-“awtoritajiet kompetenti”, mingħajr ma spjegat min kienu dawn l-awtoritajiet jew x’passi setgħu jittieħdu.

Skont l-Ombudsman, dan effettivament ħalla r-responsabbiltà biex tinstab soluzzjoni fuq il-persuna li kienet qed issofri l-inkonvenjent.

L-investigazzjoni stabbiliet ukoll li Transport Malta għandha proċedura biex tevalwa problemi ta’ aċċess għall-garaxxijiet u, fejn ikun ġustifikat, tikkunsidra marki fit-triq jew miżuri oħra awtorizzati.

L-Ombudsman qal li l-Awtorità kellha tinforma lill-persuna b’din il-proċedura jew tirreferi l-każ internament għal evalwazzjoni, bil-parteċipazzjoni tal-kunsill lokali fejn meħtieġ.

Rakkomandazzjonijiet mhux implimentati

L-Ombudsman laqa’ l-ilment parzjalment u rrakkomanda li Transport Malta twaqqaf il-prattika li tqis numru tat-telefon bħala ġustifikazzjoni biex vettura titħalla quddiem garaxx b’mod li jimblokka l-aċċess.

Talab ukoll li l-uffiċjali tal-Awtorità jiġu infurmati bil-miktub dwar l-interpretazzjoni korretta tal-liġi u li jiġu emendati dokumenti li jistgħu jkunu qed isostnu l-prattika żbaljata.

Barra minn hekk, irrakkomanda koordinazzjoni bejn Transport Malta, il-LESA u, fejn ikun meħtieġ, il-Pulizija biex tittieħed azzjoni kontra parkeġġ illegali quddiem il-garaxxijiet, inkluż it-tneħħija immedjata jew l-irmunkar tal-vetturi fejn ikun xieraq.

Transport Malta kellha sal-11 ta’ Settembru 2026 biex tinforma lill-Ombudsman bil-pożizzjoni tagħha u bil-miżuri li kienet se tieħu, iżda ma waslet l-ebda risposta.

Fis-17 ta’ Settembru, l-Ombudsman irrefera l-każ lill-Prim Ministru biex jipprova jiżgura l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

Meta dawn baqgħu ma ġewx implimentati, fil-15 ta’ Ottubru l-Ombudsman bagħat l-opinjoni finali tiegħu u d-dokumenti relatati lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, biex il-każ ikun jista’ jiġi kkunsidrat mill-Parlament skont l-Att dwar l-Ombudsman.

More in Kronaka