Min jinqabad ipejjep il-kannabis f’post pubbliku se jkun jista’ jeħel multa ta’ €235 fuq il-post, hekk kif il-penali se tiddaħħal fis-sistema tal-on-the-spot fines, ħabbar il-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield.
F’messaġġ ippubblikat l-Erbgħa, Bedingfield saħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar infurzar kontra dawk li ma jirrispettawx il-persuni ta’ madwarhom u jpejpu l-kannabis fil-pubbliku bi ksur tal-liġi.
“Irrid nara aktar infurzar kontra dawk li ma jirrispettawx lin-nies ta’ madwarhom u jpejpu l-kannabis fil-pubbliku kontra l-liġi,” qal il-Ministru.
Bedingfield spjega li, għalkemm il-multa ta’ €235 diġà teżisti, din issa se tkun inkluża fost il-multi li jistgħu jinħarġu fuq il-post.
Il-Ministru tenna li l-konsum tal-kannabis f’postijiet pubbliċi jibqa’ pprojbit mil-liġi, u sostna li hemm bżonn infurzar aktar b’saħħtu kontra dawk li jinjoraw din il-projbizzjoni.
Malta ilha mill-2021 tippermetti l-pussess ta’ ammonti limitati ta’ kannabis għall-użu personali taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Madankollu, dan ma jfissirx li l-konsum tagħha huwa permess fil-pubbliku, fejn japplikaw penali finanzjarji.
Il-miżura mħabbra minn Bedingfield għalhekk ma tintroduċix multa ġdida, iżda testendi s-sistema tal-multi fuq il-post biex tinkludi wkoll il-penali eżistenti għall-konsum tal-kannabis fil-pubbliku.