Borg jagħfas lill-Gvern dwar il-ħatra tal-Avukat Ġenerali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li ressaq erba’ ismijiet lill-Prim Ministru, filwaqt li jqajjem dubji dwar każijiet kriminali li tħallew sakemm ġew preskritti
minn Jaelle Borg
Il-ħatra ta’ Avukat Ġenerali ġdid hija kwistjoni li ma tistax tibqa’ tittardja, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.
F’intervista fuq Campus FM is-Sibt filgħodu, Borg qal li l-pajjiż ma jistax jibqa’ f’sitwazzjoni ta’ inċertezza mingħajr ħatra ġdida f’din il-kariga.
“Ma nistgħux nibqgħu f’limbu mingħajr Avukat Ġenerali ġdid. Din hija kwistjoni imminenti li rridu nsolvuha, għax inkella ma nistgħux nimxu ’l quddiem,” qal.
It-terminu tal-Avukat Ġenerali attwali ġie estiż minflok ma saret ħatra ġdida.
Borg qal li ressaq erba’ ismijiet lill-Prim Ministru, iżda għadu qed jistenna risposta. Huwa qal li ma kienx se jiżvela l-ismijiet biex jirrispetta l-indipendenza tal-ġudikatura.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf jekk ċerti każijiet kriminali ma tressqux minħabba deċiżjoni professjonali jew minħabba ndħil politiku.
“F’pajjiżna għandna każijiet serji u, jekk dawn ma tressqux, in-nies għandhom ikunu jafu jekk kienx b’għażla jew minħabba interferenza,” qal.
Borg żied li kien hemm każijiet li tħallew fuq l-ixkaffa sakemm spiċċaw preskritti u għalhekk ma setgħux jibqgħu jiġu segwiti.
Waqt l-intervista, Borg tkellem ukoll dwar l-ewwel sena tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, li ddeskriva bħala sena li fiha tgħallem ħafna u mmatura kemm politikament kif ukoll personalment.
Huwa qal li waħda mill-prijoritajiet ewlenin kienet li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku fil-politika.
Borg irrefera b’mod partikolari għaż-żgħażagħ li qed jitilqu minn Malta, u qal li dan mhux minħabba nuqqas ta’ mħabba lejn pajjiżhom, iżda minħabba stress u tħassib dwar il-kwalità tal-ħajja.
“Żgħażagħ qed jitilqu għax huma stressati, mhux għax ma jħobbux lil Malta,” qal.
Dwar l-inkjesta pubblika marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Borg qal li l-Gvern naqas milli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru.
“Ilna nistennew disa’ snin. Ma nistgħux nibqgħu nilagħbu b’din il-kwistjoni kif qed jagħmel il-Gvern,” qal, filwaqt li sostna li dan il-kapitlu ma jistax jingħalaq sakemm isiru r-riformi u ssir ġustizzja.
Borg qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti.
Dwar il-possibbiltà ta’ warrant boards għall-ġurnalisti, huwa qal li l-professjonisti tal-midja stess għandhom ikollhom rwol ewlieni fir-regolazzjoni tal-professjoni.
“L-agħar ħaġa li tista’ tiġri hija li deċiżjonijiet dwar warrants jispiċċaw f’idejn aġenzija tal-Gvern,” qal.
Borg tkellem ukoll dwar il-finanzi tal-PN, u qal li għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu l-partit għalaq il-kampanja elettorali ġenerali mingħajr ma żied mad-dejn.
“Għall-ewwel darba fl-istorja tal-partit, break even. Din l-elezzjoni ma żiditx id-dejn tal-partit,” qal.
Huwa qal li qed issir ħidma biex jitnaqqas id-dejn pendenti permezz tal-użu ta’ assi li bħalissa mhux qed jintużaw, fosthom il-każin tar-Rabat.
Dwar l-ippjanar, Borg ikkritika lill-Awtorità tal-Ippjanar u qal li l-funzjoni tagħha spiċċat iffukata fuq il-ħruġ tal-permessi aktar milli fuq ippjanar reali.
“Għandna awtorità tal-permessi li tqassam il-permessi qishom pastizzi. M’hemmx ippjanar reali,” qal.
Huwa qal li Malta għandha bżonn definizzjoni legali ċara ta’ x’inhu park nazzjonali, kif ukoll standards estetiċi għall-faċċati u d-disinn.
Borg indirizza wkoll l-imwiet riċenti ta’ sewwieqa tal-muturi, u qal li ma teżistix strateġija koerenti għas-sigurtà fit-toroq.
“M’hemmx pjan u se nibqgħu nitilfu n-nies jekk ma jkunx hemm alternattiva kredibbli għall-karozza,” qal.
Huwa sostna li sistema ta’ trasport pubbliku kredibbli hija essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi u, magħha, ir-riskju ta’ aktar imwiet fit-toroq.
