29 organizzazzjoni jappellaw għal aktar protezzjoni għad-dniefel f'Malta

L-għaqdiet qalu li n-nuqqas ta' infurzar qed ipoġġi f'riskju popolazzjoni residenti ta' dniefel

Koalizzjoni ta' 29 kumpanija u organizzazzjoni ambjentali appellat lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata kontra l-fastidju tad-dniefel b'imnieħer twil (bottlenose dolphins) fl-ibħra Maltin, filwaqt li wissiet li d-disturb ripetut minn jet skis, speedboats u dgħajjes privati qed ipoġġi f'riskju l-popolazzjoni residenti tagħhom.

Fi stqarrija konġunta, l-organizzazzjonijiet qalu li, minkejja rapporti formali li ilhom jintbagħtu lill-awtoritajiet sa mill-2022, il-każijiet dokumentati ta' bastimenti li jsegwu u jfixklu lid-dniefel baqgħu għaddejjin mingħajr infurzar effettiv.

L-għaqdiet irrimarkaw li dawn l-inċidenti seħħew f'żoni fejn il-popolazzjoni tad-dniefel taqsam l-ispazju ma' dgħajjes rikreattivi, inkluż fi jew qrib siti marittimi protetti Natura 2000.

Skont EcoMarine Malta, riċerka mwettqa permezz tal-proġett DELFISHPAM sabet li ż-żoni tal-akwakultura jservu bħala post importanti fejn komunità residenti ta' dniefel b'imnieħer twil tfittex l-ikel u twettaq attivitajiet soċjali. Din il-komunità tinkludi dniefel adulti, żgħażagħ, frieħ u trabi tat-twelid.

Il-fundatriċi ta' EcoMarine Malta, Patrizia Patti, qalet li dawn id-dniefel mhumiex sempliċement jgħaddu mill-ibħra Maltin, iżda jiddependu fuq żoni speċifiċi bħall-fish farms ta' Delimara biex jitimgħu u jissoċjalizzaw.

Hija wissiet li meta dgħajjes isegwu, jdawru jew ifixklu lid-dniefel b'mod ripetut, dawn ikunu mġiegħla jbiddlu l-imġiba naturali tagħhom u jonfqu aktar enerġija milli hemm bżonn, b'konsegwenzi serji għall-benesseri u s-sopravivenza tagħhom.

Il-koalizzjoni rreferiet ukoll għal inċident tat-22 ta' April 2026, meta EcoMarine Malta ddokumentat diversi jet skis li allegatament kienu qed isegwu grupp ta' bejn 15 u 20 delfin li kienu qed jitimgħu qrib fish farms. Skont l-għaqdiet, l-operaturi baqgħu jiġru wara l-annimali u jaqtgħulhom it-triq, filwaqt li allegatament ġabu ruħhom b'mod aggressiv mar-riċerkaturi meta dawn talbuhom jieqfu. L-inċident ġie rrappurtat lill-awtoritajiet flimkien ma' filmati bħala evidenza.

L-organizzazzjonijiet sostnew li l-fastidju tad-dniefel mhux biss huwa kwistjoni ta' benesseri tal-annimali, iżda jikser ukoll il-liġi Maltija, id-Direttiva Ewropea dwar il-Ħabitats u l-Konvenzjoni ta' Barċellona, li jipproteġu ċ-ċetaċji.

"Malta diġà għandha l-qafas legali meħtieġ biex tipproteġi dawn l-annimali," qalu l-firmatarji. "Dak li naqas huwa infurzar effettiv, edukazzjoni pubblika u gwida ċara għall-utenti tal-baħar."

Il-koalizzjoni esprimiet ukoll tħassib dwar filmati fuq il-midja soċjali li jippromwovu laqgħat mill-qrib mad-dniefel bħala attrazzjoni turistika, u wissiet li dawn qed jinnormalizzaw imġiba irresponsabbli u illegali.

Fost il-miżuri proposti hemm l-introduzzjoni ta' kodiċi ta' kondotta legalment vinkolanti għall-interazzjonijiet maċ-ċetaċji u l-fkieren tal-baħar, limiti aktar baxxi tal-veloċità f'żoni frekwentati mid-dniefel, infurzar aktar b'saħħtu, sessjonijiet obbligatorji ta' tagħrif dwar il-ħajja selvaġġa għal klijenti li jikru jet skis, moduli dwar il-konservazzjoni marittima fil-korsijiet tal-liċenzji nawtici, u sistema nazzjonali ta' rappurtar ta' osservazzjonijiet taċ-ċetaċji u inċidenti relatati mal-ħajja selvaġġa.

Il-koalizzjoni appellat lill-Gvern biex jaħdem flimkien max-xjentisti, l-organizzazzjonijiet ambjentali u s-settur marittimu sabiex jipproteġi l-popolazzjoni residenti tad-dniefel f'Malta u jiżgura li l-liġijiet eżistenti jiġu infurzati b'mod effettiv.

More in Kronaka