Żminijietna titlob kjarifika dwar l-infurzar tar-regoli l-ġodda fuq it-trasparenza fil-pagi

L-għaqda trid li d-DIER tgħid jekk reklami b’frażijiet bħal ‘paga kompetittiva’ jew ‘skont l-esperjenza’ humiex qed jiksru r-regoli meta ma jindikawx paga jew firxa ta’ pagi

Żminijietna – Leħen ix-Xellug qed titlob lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) jiċċara kif qed jiġu infurzati f’Malta r-regoli l-ġodda tal-Unjoni Ewropea dwar it-trasparenza fil-pagi.

L-għaqda qed titlob ukoll kjarifika dwar jekk reklami tax-xogħol li jużaw deskrizzjonijiet ġeneriċi dwar il-paga, mingħajr ma jagħtu ċifra jew firxa konkreta, humiex konformi mar-regolamenti.

“It-trasparenza fil-pagi trid tkun waħda effettiva, u mhux sempliċement dritt fuq il-karta,” qalet Żminijietna. “Il-ħaddiema m’għandhomx ikunu mistennija jinnegozjaw il-valur tagħhom mingħajr ma jkunu jafu kemm min iħaddem huwa lest iħallas, u lanqas m’għandhom jintalbu jiżvelaw il-paga li kellhom qabel.”

Skont ir-regoli dwar paga ugwali u trasparenza fil-pagi, min iħaddem għandu jagħti lill-applikanti informazzjoni dwar il-paga inizjali jew il-firxa tal-paga għall-pożizzjoni qabel jintemm il-proċess ta’ reklutaġġ.

Żminijietna qalet li, taħt dawn ir-regoli, reklami tax-xogħol ma jistgħux sempliċement jużaw frażijiet bħal “paga kompetittiva”, “pakkett ta’ paga kompetittiv” jew “paga skont l-esperjenza” mingħajr ma jispeċifikaw l-ammont jew il-firxa tal-paga offruta.

L-għaqda għalhekk qed titlob lid-DIER jiċċara jekk prattiki bħal dawn humiex konformi mar-Regolament 4 u, b’mod partikolari, f’liema stadju tal-proċess ta’ reklutaġġ min iħaddem huwa obbligat jiżvela l-paga konkreta.

Żminijietna esprimiet tħassib partikolari dwar każijiet fejn min iħaddem ma jagħtix informazzjoni dwar il-paga anke meta kandidat jitlobha direttament, u jiżvela ċ-ċifri biss wara li ssir l-intervista.

L-għaqda appellat lid-DIER biex joħroġ linji gwida ċari kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem, u biex jissorvelja b’mod attiv jekk ir-regolamenti humiex qed jiġu osservati.

“Il-ħaddiema m’għandhomx ikollhom jinnegozjaw mingħajr ma jkunu jafu x’inhi l-paga offruta,” sostniet Żminijietna.

More in Kronaka