Issa biżżejjed: ir-rotta trid tinbidel

Imma l-ebda sinjal li l-Gvern ħa jbiddel ir-rotta fejn jidħol tkabbir ekonomiku 

Il-gazzetta ILLUM titkellem man-nies fit-triq 

“Il-gvern ma jippjana xejn, u dan mhux gvern ta’ kulur wieħed biss. Mill-għorrief kollha ħadd ma basar mid-dehra li d-domanda kienet se tikber tant.  

U ħadd ma qed jagħmel kalkolu li b’iktar turisti, ħaddiema barranin u attività ekonomika se jkollna bżonn aktar dawl, ilma, produzzjoni ta’ drenaġġ, karozzi fit-triq, eċċetra. Nidhru bravi ħafna, imma tassew għandna ħafna dilettanti imexxuna u tronoġ.” 

L-għajta hemm barra fost in-nies hija severa u diretta — li issa biżżejjed, hemm bżonn li nbiddlu r-rotta u nifhmu li dan il-pajjiż għandu l-limiti. Hemm sentiment li jekk it-tkabbir ekonomiku jfisser karozzi kullimkien, nies bl-addoċċ, barranin kullimkien, djar bla dawl, bajjiet maħmuġin u bid-drenaġġ, u żvilupp bla rażan, mela hemm bżonn naħsbuha darbtejn b’mod serju.  

Dan is-sentiment wara ġranet diżastrużi fejn eluf ta’ Maltin sfaw bla dawl fi ġranet ta’ sħana kbira hu konferma li l-infrastruttura tal-pajjiż ma tiflaħx għad-domanda kbira li hawn. 

Minkejja li s-sinjali huma ċari daqs il-kristall — li Malta waslet għal punt li ma tistax tikber ekonomikament iżjed — il-Gvern ta’ Robert Abela mhu qed juri l-ebda sinjal li se jbiddel ir-rotta. Il-ħsieb li l-ekonomija għandha tikber minkejja kollox baqa’ ċentrali fil-politika tal-gvern. Kull referenza għas-sostennibiltà ambjentali spiċċat għalkollox u dan ukoll fid-dawl ta’ deċiżjonijiet strambi bħal fil-każ tal-padel courts f’Manoel Island. L-intenzjonjiet tajba ta’ xi ministri bħal Miriam Dalli sfumaw fix-xejn fid-dawl ta’ dawn l-episodji. 

Anzi jidher il-Gvern ta’ Abela m’għandu ebda intenzjoni li jnaqqas it-tkabbir ekonomiku u jħalli ‘a free for all’. L-għan jibqa’ li jkun hawn aktar turisti u aktar lukandi ġodda u li l-Awtorità tal-Ippjanar tibqa’ toħroġ permessi mingħajr kunsiderazzjonijiet infrastrutturali u ambjentali.  

Jidher ċar ukoll li fil-kabinett ta’ Robert Abela m’hemmx min lest iqajjem l-argument dwar din il-kriżi. U dan meta s-servizzi kollha fil-pajjiż huma mġebbda jew inkella fuq punt ta’ kollass. Anke dawk li ma jaqgħux direttament taħt id-direzzjoni tal-gvern.   

Dan minkejja xogħol siewi minn korporazzjonijiet jew entitajiet li jipprovdu s-servizzi li qed jippruvaw jagħmlu l-mirakli. Imma bħalma ġara fil-każ tal-qtugħ ta’ dawl u ħsarat kbar fid-distribuzzjoni tal-elettriku, deher ċar li l-Enemalta ma setgħetx tilħaq mat-tiswijiet tal-ħsarat.  

Għax jibqa’ l-fatt li realistikament m’hemmx pjan. Jekk għada filgħodu jiġu miljun turist aktar, ir-risposta tkun “Tajjeb ħafna — fejn se npoġġuhom?”  

U issa, minkejja li hemm ħafna nies li qed idawru lira sew minħabba t-turiżmu, ħafna iktar qed jgħidu ‘issa biżżejjed’.  

Matul din il-ġimgħa bosta nies, fosthom ħafna Laburisti, tkellmu ma’ din il-gazzetta u insistew li l-iskuża pubblika minn Robert Abela mhijiex biżżejjed, li dak li hemm bżonn issa hija determinazzjoni li nkunu nafu fejn sejrin u x’se nagħmlu. 

“Ma jistax ikun li għax jiġu miljun aktar turist, ngħidu ‘U iva’,” qalilna wieħed milli tkellmu magħna. “Irid ikun hemm sforz biex isir xi forma ta’ capping, jew inkella nuru li ma nistgħux nilqgħu aktar nies. Issa biżżejjed.” 

Il-persuni li kellmuna esperjenzaw sigħat twal — u fil-każ ta’ xi wħud, ġranet — ta’ qtugħ tad-dawl u ma kellhomx aptit li jisimgħu d-diska li Malta għandha bżonn it-turisti għat-tkabbir ekonomiku. 

“Aħna fl-aħħar mill-aħħar ma nieħdu xejn mill-miljuni li jieħdu dawn is-sinjuri kbar.” 

Kien hemm min irrefera ukoll għall-well-being index. 

“Jekk jiġi xi ħadd issemmi l-well-being index, ngħidlu x’jagħmel biha!” 

Persuna anzjana li huwa uffiċjal għoli mal-Gvern stqarr: “Il-Gvern ma jippjana xejn, u dan mhux gvern ta’ kulur wieħed biss. Mill-għorrief kollha ħadd mid-dehra ma basar li d-domanda kienet se tikber tant.” 

“Ħadd mhu qed jagħmel kalkolu li b’iktar turisti, ħaddiema barranin u attività  ekonomika se jkollna bżonn aktar dawl, ilma, sistema ikbar għad-drenaġġ, karozzi fit-triq, eċċetra. Nidhru bravi ħafna, imma tassew għandna ħafna dilettanti u tronoġ imexxuna.” 

Wieħed milli kellmuna ma qagħadx lura. “Issa fhimt għaliex Abela għamel elezzjoni qabel żmienha,” qalilna. “Bejn il-qtugħ tad-dawl u l-ġuri ta’ Yorgen Fenech ma tantx kien se jirbaħ punti. Tgħaddi mal-oħrajn u n-nies jinsew.” 

More in Kronaka