Ivan Falzon jinħatar Kap Eżekuttiv ġdid tal-Partit Laburista

L-eks Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta, il-Water Services Corporation u Mater Dei jieħu post Leonid McKay, li nħatar Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta

Il-Partit Laburista ħabbar il-ħatra ta' Ivan Falzon bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tiegħu, b'effett immedjat.

Falzon jieħu post Leonid McKay, li dan l-aħħar inħatar Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Falzon għandu esperjenza estensiva f'karigi eżekuttivi għolja, wara li serva bħala Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta, il-Water Services Corporation u l-Isptar Mater Dei.

Il-partit iddeskriva t-tmexxija tiegħu f'dawn l-entitajiet bħala waħda kkaratterizzata mill-professjonalità, ħiliet maniġerjali b'saħħithom u impenn lejn l-innovazzjoni u l-effiċjenza.

Skont il-Partit Laburista, il-ħatra ta' Falzon tifforma parti mill-proċess ta' tiġdid tal-istrutturi interni tiegħu, bil-għan li jkompli jsaħħaħ l-organizzazzjoni u jkompli jaħdem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

Fl-istess stqarrija, il-partit irringrazzja lil Leonid McKay għall-ħidma tiegħu matul l-aħħar sentejn bħala Kap Eżekuttiv.

Il-Partit Laburista qal li McKay kellu rwol importanti biex jgħaqqad talent minn diversi setturi fi ħdan il-partit u mexxa għadd ta' proġetti u inizjattivi li wasslu għall-aħħar kampanja elettorali tal-partit.

More in Kronaka