Moviment Graffitti kkundanna d-deċiżjoni tal-Gvern li jippermetti żewġ avvenimenti kummerċjali fil-Forti Manoel, u sostna li din tmur kontra l-wegħda li Manoel Island tinbidel f’park nazzjonali.
L-għaqda qalet li l-forti jagħmel parti mill-pjan imħabbar mill-Gvern biex Manoel Island tinfetaħ bħala spazju pubbliku, wara s-sejħiet tal-kampanja Manoel Island: Post Għalina biex il-pjanijiet ta’ żvilupp jitwarrbu favur park nazzjonali.
Moviment Graffitti sostna li, wara d-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela li l-viżjoni tal-Gvern kienet taqbel ma’ dik tal-kampanja, u wara l-konsultazzjonijiet pubbliċi mmexxija minn Project Green li rrakkomandaw li l-Forti Manoel jgħaddi taħt Heritage Malta, id-deċiżjoni li jitħallew isiru attivitajiet kummerċjali hija diżappuntanti.
L-NGO qalet li l-permess għal dawn l-avvenimenti jiftaħ il-bieb għal aktar kummerċjalizzazzjoni ta’ art pubblika, filwaqt li semmiet il-courts tal-padel li diġà ġew permessi fuq Manoel Island bħala eżempju ta’ spazju pubbliku li ngħata għal skopijiet kummerċjali.
Skont Moviment Graffitti, dawn l-attivitajiet isiru għad-detriment tar-residenti tal-inħawi u tal-ekosistema ta’ Manoel Island. Żiedet li l-Port ta’ Marsamxett diġà qed ibati minn storbju eċċessiv u attività kummerċjali intensiva, filwaqt li akkużat lill-awtoritajiet li mhux qed jinfurzaw ir-regolamenti kontra d-dgħajjes tal-festi u stabbilimenti li jiksru r-regoli dwar l-istorbju.
L-għaqda appellat lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru għall-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea u lill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli biex iwettqu l-wegħda ta’ pjan ħolistiku għal Manoel Island u ma jħallux interessi kummerċjali jieħdu privileġġ fuq l-interess pubbliku.
Moviment Graffitti temmet tgħid li l-pubbliku diġà esprima b’mod ċar il-viżjoni tiegħu għal Manoel Island u appella lill-Gvern biex jonora dak l-impenn.